Bżonn ta’ għajnuna finanzjarja lil-LSAs Maltin li jistudjaw Għawdex – GUG

Il-Grupp Universitarji Għawdxin jappella bil-qawwa lil-Learning Support Assistants (LSAs) Maltin biex ikomplu l-kors tagħhom f’Għawdex u biex jinsistu biex jirċievu trattament adekwat waqt li jkunu qed isegwu dan il-kors.

Fi stqarrija, l-għaqda studenteska qalet li “minħabba li fil-kors tal-LSAs f’Għawdex hemm 20 post vakanti, u f’Malta hemm iktar kandidati għall-kors, tagħmel sens li l-kors f’Għawdex ikun offrut għal dawn l-istudenti.”

Il-GUG tgħid li fir-realtà dawn l-istudenti se jkunu qed jingħataw aktar attenzjoni minħabba ċ-ċokon tal-klassi.

Il-Grupp Universitarji Għawdxin sostna li waqt li l-għaqda tappoġġja din l-iskema, tifhem li biex studenti Maltin jagħmlu l-kors f’Għawdex, jista’ jkollhom stress ekonomiku. Huwa għalhekk qed tinsisti li jekk mhux diġà qed jingħataw, dawn l-istudenti jingħataw għajnuna finanzjarja biex jissoktaw bl-istudji tagħhom.

L-istqarrija tgħid ukoll li l-Grupp Universitarji Għawdxin jappoġġja wkoll l-użu tal-konferenzi awdjo-viżivi.

Kien Newsbook.com.mt li lbieraħ żvela li għaxar LSAs Maltin se jkolhom jagħmlu l-kors tad-Diploma f’Għawdex. 

Ħalli kumment hawn taħt b'ismek u kunjomok.