Bżonn ta’ €14-il biljun għall-assistenza umanitarja fi 22 pajjiż

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Maqgħuda għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji qed iressaq appell lill-aġenziji kollha fid-dinja biex jinġabru €14 biljun għall-assistenza umanitarja fi 22 pajjiż differenti.
Din l-assistenza tgħin xejn inqas minn 57 miljun persuna.
L-istatistika li qed tippubblika n-Nazzjonijiet Maqgħuda, tagħti ħarsa lejn pajjiżi b’sitwazzjonijiet li jvarjaw minn terroriżmu għal diżastri naturali.
Mal-miljun persuna fis-Sirja rċievew għajnuna b’affarijiet bażiċi waqt li 1.8 miljun oħra ngħataw ikel.
Mal-120,000 tifel u tifla fis-Sudan ngħataw kura għal malnutrizzjoni u fil-Gambja, aktar minn 10,000 ingħataw il-vaċċin kontra l-ħosba.
FL-Iraq, 5.4 miljun tifel u tifla ngħataw l-vaċċin kontra l-polio.
It-terrimot fin-Nepal ħalla eluf ta’ persuni fil-bżonn. Skont din l-istatistika, kważi miljun persuna bbenefikat minn għotja tal-ilma t’emerġenza u aktar minn 1.8 miljun ingħataw razzjon ta’ ikel biex iservi għal 10 t’ijiem.
Fil-Libja, mal-35,000 ingħataw ikel u affarijiet bażiċi u 46,000 fl-Ukrajna ngħataw assistenza finanzjarja.
Għaqdiet non-governattivi fin-Nofsinhar tas-Sudan ħelsu 1,700 tifel u tifla minn gruppi armati tar-ribelli.
Finalment, in-NM saħqet li għad hemm diskrepanza bejn il-bżonnijiet umanitarji u r-riżorsi li huma aċċessibbli.