“Bżonn ta’ entużjażmu u niskata intellett” – Mario Vella, Brikkuni

Mario Vella, il-kantant tal-grupp Brikkuni, qal ma’ Newsbook.com.mt li l-problema ta’ disponibbiltà ta’ spazji pubbliċi għall-artisti lokali għadha reali ħafna u hemm bżonn li l-persuni responsabbli jiċċaqalqu malajr kemm jista’ jkun biex din tissolva darba għal dejjem.

Żied jgħid li kull ma hemm bżonn huwa ftit entużjażmu, niskata intellett u rieda tajba.

Ma’ Newsbook.com.mt, Mario Vella qal li jinsab sodisfatt ħafna bil-mod kif żvolġew l-affarijiet li wasslu biex il-kunċert tal-Brikkuni fit-Teatru Rjal aktar tard dan ix-xahar isir xorta waħda.

Spjega kif wara l-pressjoni pubblika meta kkanċellaw il-kunċert minħabba nuqqas ta’ koperazzjoni mill-awtoritajiet, intervjena ċ-Chairman tal-Bord tat-Teatru Rjal, Charles ‘City’ Gatt.

Il-kantant tal-grupp Brikkuni qal li wara li ddiskutew il-loġistika u tnaqqsitilhom €500 mill-kera oriġinarjament mitluba mit-Teatru, ikkonkludew li setgħu jipproċedu bil-kunċert.

Vella żied jgħid li dan ma jfissirx li t-Teatru se jiftaħ għal xejn għax se jibqagħlu qligħ aċċettabli ħafna.

Mill-banda l-oħra, ir-riskju għall-grupp ittaffa billi dawk il-€500 jistgħu jkopru l-paga ta’ mill-inqas tliet mużiċisti. Sostna li għalkemm €500 jinstemgħu ftit għan-nies tat-triq, fejn tidħol il-loġistika tal-grupp, din hija somma sostanzjali.

Dwar l-assigurazzjoni, Mario Vella qal li wasal għall-kompromess ma’ kumpanija tal-assigurazzjoni lokali li kienet lesta tidħol għall-avveniment b’ċifra ferm inqas minn dik li s-soltu jżommu.

Saħaq li jittama li dan huwa biss il-bidu ta’ djalogu iżjed miftuħ bejn l-artisti lokali u l-awtoritajiet konċernati.