Bżonn ta’ demm minħabba l-influwenza tax-xitwa

Din is-sena, l-istaġun tax-xitwa affetwa ħafna l-għoti tad-demm minħabba li ħafna persuni kellhom mard relatat mal-influwenza u għalhekk ma setgħux jagħtu d-demm kif jagħmlu ssoltu. 
Iżda fi tmiem din il-ġimgħa se jiġi fi tmiemu l-istaġun tax-xitwa u se jibda dak tar-rebbiegħa.
Għaldaqstant, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qiegħed iħeġġeġ lill-pubbliku biex iħares lejn r-rebbiegħa u t-temp sabiħ li ġġib magħha bħala opportunità biex jagħti d-demm.
B’hekk tkun qed titla’ r-riserva tad-demm li kienet f’livell baxx waqt l-istaġun tax-xitwa.
Min jixtieq jagħti d-demm jista’ jagħmel dan;
– fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa, kuljum bejn it-8:00am u s-6:00pm,
– fil-Mobile Blood Donation Unit, li nhar il-Ħadd 22 ta’ Marzu se jkun fi Pjazza Gregorio Bonici ,ż-Żejtun bejn it-8:30am u s-1:00pm, u
– fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex li nhar il-Ħadd 22 ta’ Marzu mit-8:30am sas-1:30pm.
Kull min hu interessat għandu jieħu miegħu jew il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti.