Bżonn ta’ demm; il-bank se jkun miftuħ ukoll fi tmiem il-ġimgħa

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jagħmel sejħa urġenti għad-demm. Dawk li huma f’saħħithom qed ikunu ġentilment mitluba biex jagħtu s-saħħa lil ħaddieħor billi jersqu u jagħtu d-demm.

Il-Bank tad-Demm qed jappella biex kull min jista’ jxerred il-kelma biex b’hekk il-pazjenti li għandhom bżonn id-demm ikunu jistgħu jibbenefikaw mis-servizz. Fost il-pazjenti li jibbenefikaw huma morda b’mard kroniku, inkluż il-mard tal-kanċer, jew inkella dawk li se jiġu operati.

Fi stqarrija l-Bank fakkar li biex is-Servizz tas-Saħħa jkun fl-aqwa tiegħu jinħtieġ riserva tajba ta’ demm. Tajjeb ukoll li wieħed iżomm f’moħħu li d-demm ma jistax jinxtara  bħal ma jsir fil-każ mediċini, iżda jiġi minn donazzjonijiet ta’ nies f’saħħithom u altruwisti.

Is-Sibtu l-Ħadd iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa se jkun miftuħ mit-8:00am sas-6:00pm. Il-karta tal-identità hi meħtieġa!

Aktar informazzjoni dwar l-għoti tad-demm tista’ tinkiseb minn www.blood.gov.mt