Bżonn ta’ bilanċ bejn is-sid u min jikri – Muscat

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li hemm bżonn bilanċ bejn is-sid u min jikri f’Malta.
F’laqgħa politika f’San Ġwann, Muscat semma kif il-Gvern qed jaħdem fuq white-paper dwar il-qasam tal-kera. Qal li jrid ikun hemm sistema regolata bl-inqas intervent possibli. Dwar il-bilanċ ta’ bejn iż-żewġ partijiet ta’ kera, Muscat qal li jkun hemm wieħed li jkun irid idaħħal il-flus u l-ieħor li ma jkunx jista’ jħallas il-kera, speċjalment meta din tirdoppja.
Ilbieraħ 17-il organizzazzjoni minn setturi differenti qalu li hemm il-ħtieġa li titwaqqaf entità pubblika li tirregola l-kera. Qalu li f’Malta ma teżistix liġi li tirregola s-suq tal-kera u dan qed iwassal biex kulħadd jagħmel li jrid. Kellhom diversi proposti oħrajn ukoll. 
“Ħawwadni ħa nifhmek”
Dwar l-Oppożizzjoni Nazzjonalista Muscat qal li ħafna drabi jkun hemm inċertezza dwar il-pożizzjoni tagħha fuq ċertu kwistjonijiet nazzjonali, bħal-liġi tal-kannabis għall-użu mediċinali. Qal li għall-ewwel, l-Oppożizzjoni kellha ħafna mistoqsjiet u ppruvat tbeżża’ lin-nies biex imbagħad spiċċaw qablu mal-prinċipju ftit jiem wara. Każ ta’ “ħawwadni ħa nifhmek” stqarr Muscat.
Fi kliem Muscat meta wieħed ikun fl-Oppożizzjoni jkollu l-vantaġġ li jaħseb aktar dwar ċertu kwistjonijiet peress li min ikun fil-Gvern ikollu r-responsabbilità li jieħu d-deċiżjonijiet. Muscat saħaq li l-PN ma jistax jaspira li jmexxi l-Gvern peress li anqas mhu kapaċi jmexxi l-Oppożizzjoni.
Beppe Fenech Adami għandu jirriżenja mill-PAC – Muscat
Muscat qal li l-Membru tal-Parlament Nazzjonalista Beppe Fenech Adami għandu  jirriżenja minn Ċerpersin tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) wara allegazzjonijiet li kien irrakkommanda xi impjiegi għall-Wasteserv.
Muscat irrefera għall-investigazzjoni tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) dwar nies li allegatament ġew impjegati qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Skont Muscat ġie żvelat fil-midja li l-akkużi li qed jagħmel Fenech Adami huwa ħati bihom hu. Qal li ġew żvelati imejls tad-deputati Nazzjonalisti Marthese Portelli, Claudio Grech, u minn Beppe Fenech Adami jirrakkomandaw biex idaħħlu xi nies fil-Wasteserv.
Muscat qal li Beppe Fenech Adami għandu jirriżenja mill-kariga tiegħu mill-Kumitat. Żied jgħid li jekk ma jagħmilx dan, għandu jkun il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li jaġixxi.
“Mentalità klassista li m’hawnx post għaliha f’Malta”
Skont Muscat il-Membru tal-Parlament Nazzjonalista David Stellini riċentement qal li l-Maltin jappoġġjaw lill-gvern preżenti għax m’għandhomx valuri u moħħhom f’buthom. Muscat stqarr li Stellini kiteb li dawk li bħalu jaqilgħu aktar minn €50,000 għandhom prijoritajiet oħra bħall-ambjent, il-governanza u l-valuri.
Muscat iddeskriva dan bħala mentalità klassista li m’hawnx post għaliha f’Malta. Muscat qal li dan juri l-istat tal-ħsieb fil-PN.
Fil-gazzetta The Malta Indipendent, Stellini kien kiteb li ġieli qal li “in-nies il-but jaraw”. Żied jgħid li “dawk li jgħixu ħajja komda u li jaqilgħu aktar minn €50,000 ikollhom standards ogħla fil-ħajja pubblika u fil-protezzjoni tal-ambjent fil-prijoritajiet tagħhom”. Kompla jistaqsi kemm hemm nies b’din il-paga li jistgħu jbiddlu r-riżultat ta’ elezzjoni ġenerali.
Skont Muscat il-moviment Laburista qed jikber kuljum u għandu l-ħsieb li jkompli jikber.
Qal li l-Gvern qed jgħid lill-familji Maltin biex ikunu bieżla bħall-Gvern.
Dwar ir-rapporti tal-aġenziji tal-kreditu dwar Malta, Muscat qal li r-riżultati huma importanti għall-investituri. Qal li dawn jaraw x’jgħidu l-aġenziji indipendenti għax jekk jistaqsu lill-Gvern, dan se jkun qed jejdilhom dak li jaqbillu. Qal li r-rapporti juri li Malta hija stabbli daqs l-Irlanda u aktar soda mill-Ġappun.
Ritratt: PL