Bżonn ta’ bidla fil-ħsieb dwar l-immaniġġjar tal-iskart

Waqt il-ftuħ tal-konferenza internazzjonali dwar l-iskart, bl-isem ta' Promoting Zero Waste – The Importance of Communication in the Waste Management Sector, il-Ministru għall-Ambjent Leo Brincat qal li l-Gvern huwa impenjat li jbiddel il-mentalità u l-aġir tan-nies dwar l-immaniġġjar tal-iskart permezz ta' kampanja edukattiva li se jniedi fil-pjan nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart.
Saħaq li l-pjan nazzjonali se jkun qed jiffoka fuq it-tnaqqis tal-ħela u l-iskart iġġenerat mill-ikel, is-separazzjoni tal-iskart fuq livell domestiku kif ukoll il-ħtieġa li s-soċjetà titgħallem dwar ir-responsabbiltajiet tagħha.
Il-Ministru sostna li hekk kif l-Unjoni Ewropea bi ħsiebha toħroġ direttivi ġodda dwar l-immaniġġjar tal-iskart, Malta trid tħares lejn dawn l-obbligi u d-dmirijiet bħala opportunitajiet flok bħala theddid.
Il-konferenza kienet organizzata mill-kumpanija WasteServ.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott