“Bżonn ta’ aktar ħaddiema fl-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali” – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali għandu jingħata aktar riżorsi, l-aktar dawk umani, biex ikun jista’ jlaħħaq max-xogħol li għandu.
Simon Busuttil qal dan waqt żjara li għamel fl-Uffiċċju li ddeskrivih bħala “wieħed mill-ftit entitajiet li għadhom jirrispettaw il-governanza tajba u l-awtonomija mill-Gvern”.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u dak tal-Ombudsman jixirqilhom kull rispett għax għandhom appoġġ wiesgħa li jmur lilhinn minn min ikun fil-Gvern.
Dwar l-impjegati, Busuttil qal li jekk l-Uffiċċju jkollu aktar nies, ix-xogħol ikun jista’ jinqasam bejn l-investigazzjonijiet mitluba mill-Parlament, kif ukoll ir-rapporti li jsiru b’mod regolari mill-istess uffiċċju. 
Busuttil fakkar li l-Awditur Ġenerali għandu 41 rapport pendenti u li dan in-numru jinkludi ftit anqas minn 10 investigazzjonijiet mitluba mill-Parlament Malti, fosthom dwar il-kuntratti tal-Power Station tal-gass.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Ħidma Parlamentari Mario de Marco u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista David Agius.