“Bżonn ta’ aktar għarfien dwar l-immigrazzjoni biex tonqos it-tensjoni”

Il-proposta tal-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca għat-twaqqif ta' Istitut għall-Paċi u l-Ġid tas-Soċjetà ġiet diskussa waqt laqgħa bejn il-President innifisha u l-Kummissarju tan-Nazzjonijiet Magħquda għar-Refuġjati António Guterres.
L-għan tal-proposta hu li jkun hemm iktar għarfien u apprezzament tad-diversità u l-inklużjoni.
Tkellmu wkoll dwar il-Valletta Summit 2015 li kien deskritt bħala pożittiv peress li laqa’ flimkien il-gvernijiet mill-pajjiżi Ewropej u Afrikani.

Il-President ta’ Malta tkellmet fuq il-ħtieġa li jittieħdu inizjattivi fil-komunitajiet biex ikun hemm aktar għarfien tar-realtajiet dwar l-immigrazzjoni u b’hekk tonqos it-tensjoni u l-ansjetà fost il-poplu.

Qalet li dawn id-diskussjonijiet bejn il-Gvernijiet Ewropej u Afrikani għandhom ikunu parti minn proċess kontinwu biex ikun hemm aktar għarfien u ftehim dwar iċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom.

Il-President sostniet l-importanza li l-Ewropa tkun magħquda biex il-vuċi tagħha fi ħdan il-komunità internazzjonali, dwar il-kwistjoni ta’ l-immigrazzjoni tkun iktar b’saħħitha.
Ritratt: OPR