“Bżonn ta’ 50,000 appartament ġdid biex inlaħħqu mad-domanda”

Il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjetà qalet li f’Malta bħalissa hawn nuqqas ta’ madwar 50,000 appartament biex ilaħħaq mad-domanda tal-lum. Tgħid li dan huwa dovut għal bosta fatturi, ewlenin fosthom iż-żidiet kbar fl-għadd ta’ ħaddiema barranin li qed jiġu f’Malta u li skont il-Federazzjoni, għandhom jiġu milqugħa tajjeb.

“Ċentri soċjali ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza mill-Gvern”

F’dan il-kuntest, il-Federazzjoni tal-Aġenti tal-Propjetà qed tħeġġeġ lill-Gvern jibni ċentri kbar ta’ akkomodazzjoni soċjali ta’ emerġenza biex jinkrew lill-Maltin ħalli dawn ma jibqgħux żvantaġġjati.

Il-Federazzjoni sostniet li dawn iċ-ċentri ta’ akkomodazzjoni ta’ emerġenza mill-Gvern li qed tipproponi, jħallu lis-suq tal-kirijiet mill-privat jikber u jaħdem b’mod liberu filwaqt li jnaqqas ir-riskju tal-Maltin li jibqgħu bla saqaf fuq rashom.

F’kummenti li ta, is-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni tal-Aġenti ta-Propjetà Simon Debono jagħti ħarsa lejn kif inbidel is-suq tal-propjetà f’Malta bl-influss tal-ħaddiema barranin f’dawn l-aħħar ħames snin.

“Il-barranin qed ifittxu appartamenti f’Malta li ma jeżistux”

Ikompli jgħid li xi ħaddiema barranin għandhom pagi sostanzjalment ogħla minn tal-Maltin, u oħrajn jingħaqdu fi gruppi sa tmien persuni biex iżidu l-baġit tagħhom biex jikru.

Simon Debono jgħid li eluf ta’ ħaddiema barranin qed ifittxu appartamenti li ma jeżistux, għax fi kliemu dawn jieħdu madwar sentejn biex jinbnew. Saħaq li dawk involuti fil-kostruzzjoni, iridu l-ewwel jixtru s-siti, japplikaw għal permess ta’ żvilupp, jibnu, ilestu l-appartamenti u jbiegħuhom.

Kompla jgħid li parti minn din is-sitwazzjoni waslet għax il-Gvern m’għandux aċċess real-time għall-istatistika dwar il-popolazzjoni.

“Naħsbu li mat-30% tal-Maltin qed jikru post”

Bl-istess mod, Simon Debono qal li l-Gvern qed jaħseb li 20% tal-Maltin biss qed jgħixu f’post mikri, iżda l-Federazzjoni tgħid li ċ-ċifra t-tajba iktar tqarreb lejn it-30% tal-Maltin. Spjega li dan huwa dovut għax il-Gvern qed jibbaża ċ-ċifri tiegħu fuq iċ-ċensiment tal-2015 u minn dak iż-żmien, il-prezzijiet tal-propjetà kważi irdoppjaw.

Skont il-Federazzjoni, huma biss 2,000 il-Maltin li jistgħu jixtru propjetà li tiswa aktar minn €200,000.

“Jew niddeċiedu jew tinfaqa’ l-bużżieqa”

Temm jgħid li huwa propju għalhekk li l-Maltin li qed jitqiesu bħala l-iktar sezzjoni dgħajfa fis-suq tal-kiri tal-propjetà, iridu jitneħħew mill-iżviluppi tas-suq tal-kiri. Qal li dan jista’ jsir sakemm jew il-pajjiż jiddeċiedi l-pass li jmiss, jew “sakemm tinfaqa’ l-bużżieqa tal-prezzijiet tal-propjetà”.