Bżonn ta’ 50 borża demm friska kuljum

Il-ġimgħa li għaddiet, partikularment fi tmiemha, għadd ta’ persuni għażlu li jagħtu d-demm b’rabta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid.
Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm irringrazzja lil kulmin ta sehmu, waqt li fakkar fl-isfida ta’ 50 borża demm friska kuljum.
Ħeġġeġ lil dawk li huma f’saħħithom biex imorru jagħtu d-demm.
Iċ-Ċentru ta’ Gwardamanġa jiftaħ kuljum mit-8am sas-6pm.
Barra minn hekk se jsir għoti tad-demm fis-Sala Parrokkjali tal-Parroċċa Kristu Re fi Triq Ġużè Damato f’Raħal Ġdid, nhar il-Ħadd li ġej bejn it-8.30am u s-1pm.
Fl-istess għodwa professjonisti mid-Dipartiment tal-Kura Primarja ser joffru servizz ta’ kejl ta’ pressjoni u livell ta’ zokkor fid-demm.
Il-Ħadd li ġej se jkun disponibbli wkoll għoti tad-demm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, bejn it-8am u s-1pm, kif ukoll nhar it-Tlieta bejn is-1pm u l-5pm.