“Bżonn soluzzjonijiet permanenti dwar l-immigrazzjoni” – Avramopoulos

Luke Zerafa

Il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni u l-Intern Dimitris Avramopoulos saħaq li hemm bżonn li l-Ewropa tieqaf tagħmel arranġamenti temporanji u ssib soluzzjoni permanenti dwar l-immigrazzjoni fl-Ewropa.

F’laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat f’Kastilja, il-Kummissarju Ewropew qal li Malta għamlet ferm iżjed minn dak mistenni minnha fil-kwistjoni tal-immigrazzjoni. Semma wkoll is-sehem ta’ Malta waqt il-Valletta Summit. Il-Kummissarju Ewropew qal li kien, għadu u se jibqa’ jappoġġja lil Malta kemm finanzjarjament, b’mod prattiku u anki operattiv.

Luke Zerafa

Irrimarka li l-immigrazzjoni hi sfida għall-Ewropa kollha u mhux għal Malta biss. Wissa li l-immigrazzjoni spiċċat f’idejn il-populisti u li dan qed iwassal biex is-sitwazzjoni ssir perikoluża. Semma kif l-Istati Membri ma jaqblux dwar kif jinterpretaw it-tifsira ta’ solidarjetà. Żied jgħid li fl-aħħar sentejn l-imġiba ta’ ċertu gvernijiet iddistingwiet ruħha fuq it-tema tal-immigrazzjoni.

Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru qal li minkejja li l-qbil meta jkun hemm bżonn, mhux l-iktar soluzzjoni popolari mal-Istati Membri, Malta għamlet dak kollu li hu fl-interess nazzjonali waqt li ħadmet biex issalva l-ħajjiet. Fisser li dawn il-ftehimiet kienu l-uniċi li ħadmu f’sitwazzjonijiet li kienu kritiċi għall-ħajjiet umani. Sostna li Malta lesta tkun parti minn arranġamenti simili li joffru soluzzjonijiet.

Luke Zerafa

Filwaqt li rringrazzja lill-Kummissarju tar-rwol tiegħu fl-aħħar xhur, sostna li l-Kummissjoni għandha tkun l-aħħar post fejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jfittxu soluzzjoni.

“Metsola rnexxielha ġġib ir-riżultati minkejja d-diffikultajiet”

PN

Intant, f’laqgħa mal-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola, Avramopoulos qal li Dr Metsola mexxiet bl-aqwa mod possibbli dawk il-liġijiet li ġew fdati lilha mill-Parlament Ewropew, u li rnexxielha ġġib ir-riżultati minkejja ċirkustanzi diffiċli.

Metsola, li hi wkoll iċ-Chairperson tal-Asylum Contact Group tal-Parlament Ewropew, qalet li l-liġi l-ġdida dwar il-fruntieri se twassal għal żieda ta’ 10,000 gwardji ġodda mal-fruntieri tal-Ewropa, biex il-proċess tar-ritorn ikun aktar effiċjenti, u biex tingħata aktar importanza lid-drittijiet fundamentali.

Waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, il-Kummissarju Ewropew iltaqa’ wkoll mal-President George Vella fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta.

DOI – Clodagh Farrugia ONeill

Kellu laqgħat bilaterali mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia.

DOI – Omar Camilleri

Id-diskussjoni mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, id-diskussjoni trattat l-immigrazzjoni, is-sitwazzjoni kurrenti fil-Libja u l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

MFTP