Bżonn sala nazzjonali għall-kunċerti – Sant

Il-Kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li Malta għandha bżonn sala nazzjonali għall-kunċerti.

Fi stqarrija Sant qal li reċentament kellu laqgħa ma’ artisti Maltin fit-Teatru Manoel. Sant qal li minħabba ċ-ċokon ta’ Malta l-faċilità għandha tkun tista’ tintuża għal diversi skopijiet għax inkella tispiċċa ma tintużax għal parti kbira tas-sena.

Sant qal ukoll li l-Gvern għandu jżid is-sussidju li jagħti lill-artisti. Qal ukoll li fil-qasam artistiku u kulturali jeħtieġ aktar taħriġ strutturat. Qal ukoll li l-fondi Ewropej jistgħu jintużaw biex ikattru skambji bejn artisti u studjużi żgħażagħ minn pajjiżi differenti.

Il-PL favur il-ħajja – Cutajar

Fi stqarrija, il-Kandidati tal-PL Josianne Cutajar qalet li l-PL huwa partit favur il-ħajja.

Cutajar qalet li għall-Gvern Laburista d-dritt tal-ħajja jfisser ukoll kwalità ta’ ħajja għolja bis-saħħa ta’ drittijiet diversi, opportunitajiet tajbin, u sostenn lil min ibati.

Cutajar sejħet lill-Partit Nazzjonalista “simplistiku”, għax għadu jħaddan mentalità servili lejn l-Unjoni Ewropea u l-partiti fi ħdanha. Mentalità li wasslet l-Ewroparlamentari Nazjonalisti biex joħduha kontra Malta, kontra l-familji Maltin u kontra x-xogħlijiet tagħna.

Skont Cutajar, fil-passat il-PN qered id-dinjità tal-ħajja ta’ eluf ta’ nies, bla xogħol, bil-faqar, u mingħajr opportunitajiet.