“Bżonn rispett għall-pulizija; il-bażi tad-demokrazija” – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat sostna li l-Pulizija u kull Forza tal-ordni għandhom jingħataw ir-rispett dehen lilhom kull ħin.
Dan qalu waqt kollegament bit-telefown fuq One Radio dalgħodu.
Hu rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi li lbieraħ ingħaqad bi ħġaru fil-Belt Valletta wara l-appell sempliċi mill-unjins tal-Pulizija.
Dr Muscat spjega li l-istituzzjonijiet tal-Pulizija trid tirrispettahom dejjem u kull ħin, anke meta ma taqbilx magħhom. Dan minħabba li sostna li huma l-bażi li tistriħ fuqhom id-demokrazija.
Il-Prim Ministru rrefera wkoll għal Simon Schembri, il-pulizija li t-Tlieta, ttajjar minn karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena waqt li kien qed jaqdi dmiru. Schembri kien għamel xi jiem jissielet għal ħajtu.
Dr Muscat qal li jaf lil Schembri personalment għax kien membru tal-eskorta tiegħu. Spjega li qed jibqa’ f’kuntatt mal-familja tiegħu. Muscat qal ukoll kif il-każ tiegħu xxokkja u rrabja ħafna nies.
Irrimarka kif min-naħa tal-Gvern saru avvanzi favur il-Pulizija fejn semma speċifikament li romol ta’ pulizija se jieħdu l-pensjoni sħiħa anke jekk ikunu taw anqas minn 25 sena servizz.
“Nibqgħu nuru li aħna Gvern li jwettaq”
Waqt il-kollegament, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar numru kbir ta’ investimenti li daħal fihom il-Gvern, ħafna minnhom li tħabbru propjament fl-aħħar ġimgħa.
L-ewwel referenza tal-Prim Ministru kienet propju ż-żwieġ ta’ persuni tal-istess sess fejn fakkar li fl-aħħar statistika dwar l-ugwaljanza, Malta baqgħet fil-quċċata tal-klassifika u resqet eqreb lejn il-100%.
Għamel referenza wkoll għal-liġi dwar il-midja li sostna li wriet li l-Gvern mhux jgħid biss iżda jaħdem bil-fatti. Sostna li din il-liġi se tkun qed tipproteġi ġurnalisti milli jiġu kkonfrontati b’libelli.
Spjega kif il-Qorti tal-Unjoni Ewropea sostniet li se tagħmilha impossibli li l-Gvern Malti jerġa’ jagħmel xi ħaġa tat-tip li kien għamel il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, meta tmien snin ilu ma ppermettiex li jsir dramm fil-Belt Valletta għax ma qabblux ma dak li kien se jingħad fih.
Il-Prim Ministru semma wkoll l-aħħar investimenti li kienu mwiegħda fil-manifest, bħal dik tal-kreditu tat-taxxa kif ukoll l-investimenti fl-infrastruttura tal-isport li se jħejju għal aktar żviluppi neċessarji fiż-żmien medju.