Miżuri tajbin għal Għawdex, imma hemm mistoqsijiet – PN

Beppe Galea

Read in English.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-miżuri mħabbra lbieraħ fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma tajbin iżda għad hemm mistoqsijiet. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista ppubblika 8 mistoqsijiet li dwarhom qed jistaqsi lill-Ministru Chris Fearne bħala l-Ministru għas-Saħħa u lill-Ministru Clint Camilleri bħala l-Ministru għal Għawdex.

Fost il-mistoqsijiet, il-PN staqsa għaliex se jkun hemm stennija ta’ tlett ġimgħa biex jiżdiedu s-sodod tat-terapija intensiva u min se jħallas biex l-anzjani jmorru f’lukanda biex jagħmlu wisa’ għal pazjenti bil-Covid-19.

Il-PN staqsa wkoll min se jerfa’ r-responsabbilta li Steward ma lestewx l-450 sodda fi sptar ġdid li kellhom jibnu u għad-Dar tal-Anjani f’Għajnsielem li għadha mhix lesta.

Bżonn restrizzjoni fuq vjaġġar bejn Malta u Għawdex – Said

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said qal li wasal il-mument li l-awtoritajiet tas-saħħa u l-Ministeru għal Għawdex jikkunsidraw restrizzjonijiet fuq min jista’ jaqsam minn Malta għal Għawdex u viċi-versa.

Permezz ta’ post fuq Facebook, Said qal li kien hemm ħafna li kellmuh dwar ammont konsiderevoli ta’ persuni li llum iddeċidew li jaqsmu lejn Għawdex biex jgħaddu l-ġurnata tal-Ħadd f’din il-gżira. Spjega li ħafna minn dawn il-persuni ġew innutati jimxu u jduru f’diversi postijiet f’Għawdex.

Said sostna li filwaqt li fi żminijiet normali, dawn il-persuni kienu jintlaqgħu mill-Għawdxin bil-qalb, iż-żmien li bħalissa għaddejja minnu d-dinja mhux żmien normali. Qal li hemm bżonn li jittieħed kull pass neċessarju biex il-perjodu diffiċli jkun qasir kemm jista’ jkun u jsiru l-inqas danni possibbli.

Said sostna li r-restrizzjonijiet hemm bżonnhom malajr kemm jista’ jkun. Dan hekk kif deħlin fir-Rebbiegħa, perjodu li jħajrek toħroġ tgawdi t-temp sabiħ.

WASAL IL-MUMENT GHAL AKTAR RESTRIZZJONIJIET FUQ MIN JISTA' JAQSAM BEJN IL-GZEJJERHafna kellmuni dwar ammont…

Posted by Chris Said on Sunday, 29 March 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn