Bżonn proċedura ċara fuq il-leave ta’ kwarantina – UĦM

kwarantina-pulizija
CMRU

Il-UĦM Voice of the Workers esprimiet id-diżappunt tagħha talli “l-Gvern għadu ma ħariġx proċedura ċara fuq il-leave ta’ kwarantina għall-persuni li jinsabu pożittivi għall-Covid-19”.

Fi stqarrija, l-unjin qalet li rċeviet diversi lmenti minn ħaddiema li jinsabu pożittivi għall-virus u li qed jiġu infurmati li dawn il-ġranet barra mix-xogħol se jinqatgħu mil-leave għall-mard (sick leave). Semmiet ukoll każijiet fejn il-ħaddiema li m’għandhomx sintomi u li qed ikomplu bix-xogħol tagħhom mid-dar.

Il-UĦM saħqet li fid-dawl li l-impjegati li huma pożittivi, qed jirċievu notifika ta’ kwarantina mandatorja mis-Superintendent għas-Saħħa Pubblika li ġġorr multa ta’ €10,000 kull darba li persuna ma tosservax dan l-obbligu, l-unjin qed tesiġi li dan il-leave jiġi kkunsidrat bħala leave ta’ kwarantina bi ħlas.

Tenniet dak li qalet fl-aħħar laqgħa tal-MCESD, li huwa importanti i jkun hemm working grouprappreżentattiv li jkun magħmul mill-Gvern, l-Awtorità tas-Saħħa u l-imsieħba soċjali. Għaldaqstant, l-unjin tistenna li dan jiġi diskuss fil-laqgħa li jmiss tal-MCESD nhar it-Tnejn li ġej.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn