Bżonn policies biex modi oħra ta’ trasport jiġu attraenti – Pulè, MPT

Konrad Pulè, Maniġer Ġenerali  tal-Malta Public Transport stqarr li “jekk veru rridu niksbu l-bidla fil-kultura u l-imġiba għal mobbilità sostenibbli, għandna bżonn policies li jagħmlu aktar attraenti modi oħra ta’ trasport li huma aktar nodfa.

Waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt dwar l-ambjent u l-ippjanar, Pulè qal li l-isfidi tat-tibdil fil-klima li għandha Malta, huma aggressivi ħafna. Fl-istess waqt fisser li t-trasport huwa parti mill-ħajja ta’ kulħadd.

“L-MPT tagħmel minn kollox biex l-impatt fuq il-ħajja tal-passiġġieri u fuq l-ambjent tkun mill-inqas possibbli”, kompla jgħid Pulè.  Irrimarka li x-xufiera kollha dalwaqt se jkollhom tablet fuq id-dashboard li jkun qed jagħtihom b’mod reali l-konsum tal-fuel b’mod viżwali. Kompla jispjega li dan sabiex ix-xufiera jadattaw il-mod ta’ kif isuqu u jniġġsu mill-inqas.

Il-Maniġer Ġenerali tal-MPT enfasizza dwar il-ħtieġa li kulħadd jagħmel il-parti tiegħu, minkejja li dejjem se jkun hemm il-kunflitt bejn dak li hu attraenti u dak li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

Fost il-kelliema f’dan il-webinar kien hemm l-Arċisqof Charles Scicluna li saħaq li l-kaxxi ta’ sulfarini tal-konkrit lanqas bħala gallinar tat-tiġieġ huma tajbin aħseb u ara biex fihom jgħixu n-nies.

X’mezz ta’ trasport tal-massa tippreferi li jkollna?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt