“Bżonn policies biex is-swat lit-tfal ma jibqax aċċettabbli”

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca saħqet li hemm bżonn li jitfasslu policies fit-tul biex tinbidel l-attitudni li s-swat lit-tfal ikun forma ta’ dixxiplina aċċettata.
Filwaqt li sostniet li l-leġiżlazzjoni hi importanti, temmen, li b’mod immedjat, Malta għandha bżonn policy komprensiva biex telimina kull tip ta’ vjolenza fuq it-tfal.
L-appell tagħha kien imtenni wkoll mill-istakeholders u esperti waqt laqgħa fil-magħluq li saret din il-gimgħa fil-Palazz ta’ San Anton.
Aktar minn 100 delegat, minn madwar id-dinja se jattendu konferenza ta’ livell għoli f’Malta.
Il-konferenza se tkun ospitata mill-Fondazzjoni tal-President Għall-Ġid tas-Soċjetà, u se nkun miftuħa minn Marta Santos Pais, ir-Rappreżentanta Speċjali tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra l-Vjolenza fuq it-Tfal.
Se jkun hemm erba’ gruppi jiddiskutu suġġetti varji fosthom l-iżvilupp u t-titjib ta’ ħiliet u gwidi għall-professjonisti li jaħdmu mat-tfal jew għat-tfal;kampanji ta’ tagħrif u informazzjoni immirati biex jimmobilizzaw is-soċjetà; prijorità fuq prevenzjoni; u li tiġi mfassla leġislazzjoni komprensiva.
Il-Kumitat tad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Magħquda jiddefinixxi swat tal-ġisem bħala: “Kull tip ta’ piena fejn il-forza fiżika hija użata, u tkun intenzjonata biex tipprovoka xi tip ta’ ugigħ jew skomfort, żgħir kemm hu zgħir. Li ġeneralment jinvolvi, daqqiet, daqqiet ta’ ħarta u swat lit-tfal bl-idejn jew bl-għajnuna ta’ xi oġġett.”
Issemmi wkoll forom oħra ta’ penitenzi mhux fiżiċi iżda “ugwalment krudili”, għax ikunu jiddisprezzaw, jumiljaw, jheddu, ibeżżgħu jew jirridikolaw lit-tfal.