​Bżonn pjan għal Malta jekk se tkompli tattira t-turisti – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li jekk Malta se tkompli tħajjar lit-turisti jiġu hemm bżonn pjan konkret biex jissolvew il-problemi tal-ilma, tal-infrastruttura dgħajfa, u tal-kriżi tat-traffiku.
Fi stqarrija, il-PD qal li żieda fin-numru ta’ turisti li jiġu lejn Malta mhix xi ħaġa għaqlija għax il-pajjiż diġà qabeż il-limitu ta’ kemm jiflaħ nies.
Dwar il-proġett massiċ fis-sit tal-ITS, il-PD qal li l-proġett u oħrajn bħala qed isiru mingħajr ma tnieda pjan sħiħ jew Masterplan Nazzjonali. Il-PD qal li se jkun qed jappoġġja l-kampanja Do Not Bury Us Alive! Qal li din għandha l-għan li tipproteġi lir-residenti ta’ Pembroke, Swieqi, u San Ġiljan.
Fi kliem il-PD, f’Malta hemm “ferneżija ta’ żvilupp fil-pajjiż kollu biex jinbnew lukandi mingħajr ma sar studju tal-impatt buq il-bżonnijiet tas-suq turistiku.”
Fl-istqarrija tiegħu, il-partit staqsa għalfejn il-Gvern biegħ l-ITS, triq pubblika, u żona tal-parkeġġ lid-db Group. Skont il-PD, dan ma sarx għall-ftit flus li ħadet Malta u li lanqas m’hemm bżonn dan il-proġett għall-ekonomija.
Mijiet ta’ firmatarji diġà opponew formalment mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-iżvilupp propost fuq is-sit tal-ITS f’Pembroke. Fost l-oħrajn, jekk il-permess jiġi approvat, jitla torri residenzjali ta’ 37 sular, lukanda ta’ 5 stilel, stabbilment kummerċjali, uffiċini, ristoranti u spazji għall-parkeġġ.
Ritratt: Arkivji