Bżonn niskopru l-importanza tal-imħabba għall-barrani – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Awżiljaru Joseph Galea Curmi attendew għal-laqgħa tal-Isqfijiet tar-Reġjun tal-Mediterran li saret f’Bari fi tmiem il-ġimgħa.

L-Arċisqof spjega li din il-laqħa li laqqgħet l-isqfijiet ta’ 20 pajjiż fir-Reġjun tal-Mediterran, kienet avveniment importanti u li bagħat messaġġ importanti, għax filwaqt li mhux xogħolna li ngħidu lil politiċi x’għandhom x’jagħmlu imma jkun tajjeb li jkun hemm laqgħat ta’ dan it-tip minn min jieħu d-deċiżjonijiet.

Meta kien qed jiġi intervistat waqt il-programm Newsbook Hour fuq 103, l-Arċisqof Scicluna qal li fl-Omelija l-Papa rrefera għall-Kelma ta’ Ġesù fil-liturġija tal-Ħadd li jeżiġi mill-Insara biex iħobbu kemm lil min iħobbhom u lill-għedewwa tagħhom.

L-Arċisqof, spjega li bil-Grieg ‘l-ieħor’ jew ‘l-istranġier’ huwa Xenos. Ħafna drabi nitkellmu dwar il-biża’ tal-barrani, tal-ieħor, ix-xenofobija. “Irridu nerġgħu niskopru l-importanza tal-xenofilija, l-imħabba għall-barrani, l-imħabba għall-ieħor.”

Fil-messaġġ lill-isqfijiet, kompla l-Arċisqof, “il-Papa fakkarna fl-Ittra lil-Lhud fejn jingħad li “min jilqa’ lill-barrani jkun qed jilqa’ l-anġli”. Abram laqa’ lill-istranġier u ħa ħsiebu u laqa’ fi ħdanu l-ikbar barka, għax il-barrani tawh l-aħbar li se jkollu wild. “Il-Papa fakkarna fuq l-importanza biex il-kuraġġ u l-importanza li nilqgħu lil barrani. F’Jannar il-Papa fakkar kif Malta u min kien imexxiha laqgħet 274 persuna, barrani, b’mod mill-aħjar. L-isfida tagħna llum hija li nkomplu nwettquha fiċ-ċirkostanzi attwali”, kompla l-Arċisqof.

Il-Papa jitkellem ħafna imma l-messaġġ l-iżjed qawwi ta’ Franġisku hija bil-ġesti tiegħu. Il-Papa se jkun qed jiltaqa’ ma’ komunità antika fil-fidi li għandha sfidi ġodda u li trid l-evanġelju għal-lum u għal futur. Huwa spjega li fiż-żjara tiegħu fostna fl-aħħar ta’ Mejju nistennew kelma sabiħa u qawwija mill-Papa, li tagħmlilna kuraġġ u tisfidana u nħallu lill-Papa jgħallimna u jevanġelizzana bil-kelma u l-ġesti tiegħu.

Mistoqsi dwar l-importanza ta’ din il-laqgħa, ta’ Bari, huwa spjega li bħala rgħajja spirtwali tad-djoċesijiet u tisma’ lill-isqfijiet tal-pajjiżi varji madwar ir-reġjun tal-Mediterran, tapprezza li l-komunitajiet ta’ nsara f’dawn il-pajjiżi huma minoranzi u tiftaħ għajnejk għal realtajiet differenti kompletament milli għandna Malta fil-kuntest ta’ esperjenzi ta’ persekuzzjonijiet u diffikultajiet li dawn jgħixu f’pajjiżhom. Tapprezza li ma jistax ikollok riċetta li tapplika kullimkien l-istess.

Dwar is-sitwazzjoni tal-paċi fit-trufijiet ta’ dan ir-reġjun li huwa antik ħafna kemm ġeografikament u ġeoloġikament, irridu niftakru wkoll li huwa benniena ta’ kulturi antiki u kien benniena tal-evanġelju, tant li l-appostlu missierna San Pawl terraq fuqu biex jevanġelizza.

Huwa fisser li fil-messaġġ li ta lill-Isqfijiet fil-Bażilika ta’ San Nikola, il-Papa bagħat messaġġ b’saħħtu biex il-Mediterran jikber f’reġjun fejn kulħadd iħossu milqugħ.