“Bżonn nibdew nitkellmu ċar dwar is-suwiċidju” – PN

Hemm bżonn li l-pajjiż jibda jitkellem b’mod ċar dwar is-suwiċidju. Dan qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Saħħa Mentali Mario Galea fil-Jum Dinji għas-Saħħa Mentali.

Galea sostna li meta wieħed jitkellem dwar is-suwiċidju tibda titnaqqas ir-rata. Qal li bħala partit qed jerġgħu jitolbu lill-Gvern sabiex iwaqqaf il-Mental Health Crisis Intervention Team fl-Isptar Mater Dei. It-tim li kien waqqaf Gvern Nazzjonalista kien twaqqaf mil-ħidma tiegħu fl-2013. Qal li dan it-tim kien strumentali biex isalva ħafna nies minn suwiċidju.

L-istqarrija rreferiet ukoll għal statistika tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) li tgħid li s-suwiċidju żdied b’60% f’dawn l-aħħar 40 sena. Kull 40 sekonda persuna tneħħi ruħha b’idejha. Għal kull suwiċidju li jirnexxi, 20 persuna oħra jippruvaw ineħħu ruħhom b’idejhom u ma jirnexxilhomx. Intant huwa stmat li sa sentejn oħra, ir-rata ta’ suwiċidju se titla’ għal suwiċidju kull 20 sekonda.

Galea sostna li l-WHO ilha tappella lill-Gvernijiet għal strateġija nazzjonali kontra s-suwiċidju. Qal dan hekk kif il-problema tant kibret li s-suwiċidju hija l-aktar kawża ta’ mewt komuni għal persuni fl-età ta’ 15-il sena u d-29 sena. Huwa stmat ukoll li kważi tliet kwarti tal-persuni li jagħmlu suwiċidju huma rġiel. L-Għaqda qed titlob kampanja fuq il-mezzi tal-media mill-Gvernijiet ta’ kif jistgħu jipprevjenu suwiċidju.