Bżonn multi akbar għall-iżviluppaturi – CSN

Aġġornat 02:39 PM
Miguela Xuereb

Read in English.

Hemm bżonn multi akbar għall-iżviluppaturi u l-kuntratturi, skont in-Netwerk tas-Soċjetà Ċivili (CSN).

Fi stqarrija, is-CSN qal li hu rrabjat lejn il-kundizzjonijiet li fihom mietet Miriam Pace t-Tnejn li għadda fil-Ħamrun. Is-CSN qalet li qed toffri lista ta’ proposti li għandhom jiġu diskussi f’konsultazzjoni pubblika biex ma jerġax isir xi incident simili.

Il-proposti tas-CSN:

  1. Studji ġeoloġiċi obbligatorji qabel kwalunkwe proġett ta’ twaqqigħ ta’ bini jew tħaffir, inklużi dawk il-proġetti illi diġà ngħataw permess u beda xogħol fuqhom
  2. Sussidju għal studji ġeoloġiċi għall-bini li nbena qabel il-80ijiet. Dan jista’ jsir permezz ta’ sussidju ta’ taxxa tal-iżvilupp għas-sidien tad-djar privati
  3. Kontroll mill-Gvern tas-superviżjoni u r-regolarizzazzjoni tar-reġistru tal-kuntratturi u s-sospensjoni awtomatika ta’ kuntrattur ta’ kull daqs għall-ksur tar-regolamenti, fejn deċiżjonijiet biex jiġu sospiżi għandhom jittieħdu mill-aktar fis
  4. Projbizzjoni fuq it-twaqqigħ tal-bini sakemm jitlesta t-tali rapport ġeoloġiku
  5. 200% żieda fil-finanzi tal-OHSA u tal-BRO u żieda korrispondenti fl-impjegati tagħhom fit-12-il xahar li ġej
  6. L-impjieg urġenti ta’ aktar spetturi fil-qasam tal-bini
  7. Responsabbiltà kriminali u finanzjarja aktar ħarxa għall-iżviluppaturi u kuntratturi
  8. Tieni assikurazzjoni mill-Gvern għad-djar ta’ persuni terzi, imħallsa mill-iżviluppaturi u li tibda malli tinfetaħ kawża l-qorti sa sena wara ma proġett jitlesta, biex jingħata serħan il-moħħ ta’ djar privati;
  9. Kull każ il-qorti jikkonċerna l-ħsara lill-bini ta’ terzi persuni għandu jiġi ttratat bħala urġenti mill-prosekuzzjoni u sentenza għandha tiġi mogħtija fi żmien 12-il xahar, ħlief għall-appelli
  10. Periti tal-Gvern independenti għandhom ikunu ċekkjaturi fuq periti privati

“Il-Gvern huwa mistenni li jgħajjat inkjesta li għandha tkopri kull aspett tal-każ u titlesta mill-aktar fis. Kull min għandu ħtija f’dak li ġara għandu jittella’ l-qorti sabiex isir eżempju lil dawk il-‘cowboys’ fis-settur tal-kostruzzjoni,” qal is-CSN.

Il-Gvern huwa responsabbli għall-qtil – Cassola

Il-Gvern huwa primarjament responsabbli għall-qtil ta’ Miriam Pace, skont il-kandidat indipendenti Arnold Cassola.

“Ilbieraħ fid-diskors parlamentari tiegħu Robert Abela qal li l-Gvern ma kellu l-ebda responsabilità fil-qtil ta’ Miriam Piace,” qal Cassola li żied jgħid li Abela għandu jieqaf jgħix fis-sħab.

Cassola qal li Joseph Muscat kien f’kollużjoni ma’ Sandro Chetcuti biex jiffaċilitaw l-affarijiet għall-iżviluppaturi. Qal ukoll li Muscat uża lil Robert Musumeci biex ineħħi l-liġijiet tal-ippjanar u biex joħloq loopholes għall-iżviluppaturi. Kompla jgħid li Ian Borg dgħajjef ir-regolazzjonijiet is-sena l-oħra favur l-iżviluppaturi.


Miriam Pace, il-mara li kienet nieqsa wara li ġġarrfet darha fil-Ħamrun, instabet mejta qalb it-tifrik fit-2 ta’ Marzu. L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qalet li ssospendiet wieħed mill-membri tagħha li qalet li huwa involut fil-proġett ta’ kostruzzjoni marbut mal-inċident. Huwa involut bħala “investitur”.

Min hu responsabbli għandu jħallas ta’ għemilu – GWU

Il-General Workers Union fi stqarrija qed tesiġi li dawk kollha involuti fl-inċident li ssarraf f’mewt ta’ mara innoċenti, jassumu r-responsabilità kollha. Saħaq li huwa ċar li jeżisti nuqqas ta’ infurzar fl-industrija tal-kostruzzjoni u li din it-traġedja hi riżultat ta’ arroganza minn ċertu kuntratturi. Il-GWU waqqfet ukoll kont bankarju biex dawk il-ħaddiema li jixtiequ jikkontribwixxu biex jgħinu lill-familji f’dan il-mument li l-aktar li għandhom bżonn.

Iffirmajtha l-petizzjoni?

Newsbook.com.mt nieda petizzjoni fejn il-poplu Malti u Għawdxi jista’ jesprimi r-rabja u s-sogħba tiegħu għat-traġedja li seħħet nhar it-Tnejn li għadda, fejn inħasdet il-ħajja ta’ mara innoċenti waqt li kienet fil-kwiet ta’ darha.

IFFIRMA HAWN