Bżonn miżbla oħra; irridu nsibu art ta’ 80,000 tomna – Muscat

PL

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stqarr li jekk ifalli l-pjan tal-Gvern għal ġbir tal-iskart, ma jkun fadal l-ebda soluzzjoni ħlief li tinħoloq miżbla oħra.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qed jitkellem waqt attivita’ politika fil-Fgura fejn stqarr  li Malta huwa l-iktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li nitfgħu skart fl-miżbla u t-tieni l-iktar pajjiż fl-Ewropa kollha.

Issa ma fadalx spazju fl-Magħtab, il-Gvern irid jaqbad art ta’80 elf tomna biex jibni miżbla oħra li jservi biss 8 snin.

Madanakollu l-ewwel sinjali huma pożittiv tant li f’sitt ġimgħat inġabar skart oganiku f’kemm inġabar skart fl-2017 kollha, jiġifieri 3,000 tunnelata.

Dwar l-iskema ta’ ġbir tal-flixken tal-plastik, il-Prim Ministru qal li pajjiżna jiġġenera 200 miljun flixkun tal-plastik, ħġieġ jew metal, li minn dawn jiġu irkupart wieħed minn kull erbgħa. Fl-iskema l-għan tal-Gvern hu li jiġbor tlieta minn kull erbgħa.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal l-Gvern Laburista wiret infrastruttura mkissra bil-gvern preċedenti jġannat u telaq fuq proġetti biex jibni għal futur.

Huwa qal sa l-aħħar tas-sena d-dieħla, l-Gvern se jkun qed jinstalla 250 punt ieħor għal karrozzi elettriċi biex hekk il-postijiet se jżdiedu għal 450 post. Huwa qal li t-trasport pubbliku jerġa’ kiseb il-fiduċja tan-nies wara l-esperjenza diżastruża tal-Arriva, tant li l-karrozzi tal-Linja rikkeb 50 miljun persuna.

Il-Prim Ministru qal li t-tħabbira tal-ħruġ tat-tender tal-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex ġabet magħha reazzjoni ta’ xokk għax ħafna ma bassrux li din verament se ssir.

Muscat qal li l-blat li se jitqatta’ minn qiegħ il-baħar u li akkumulat jammonta għal tliet darbiet l-blat maqtugħa f’sena fi progetti ta’ kostruzzjoni, jista’ jintuża fi proġetti bħal riklamazzjoni tal-art jew spazji miftuħa.

Il-Prim Ministru qal li wasslet fit-tmiemha it-titlu ta’ Belt Kulturali ta’ Valletta 2018, il-Gvern irid jaħseb biex ħmistax –il sena oħra kemm Malta tista’ terġa tingħata ċ-ċans biex japplika għal dan it-titlu. Huwa stqarr li din id-darba l-Gvern imissu jressaq l-isem t’ Għawdex biex bħalma ġara fil-każ tal-Belt, l-gżira Għawdxija ssir gzira vibranti.

Il-Prim Ministru qal li hekk kif ir-rapport tagħha jiġi ppubblikat għada, l-indikazzjonijiet huma li l-Kummissjoni Venezia ma jikkritika l-ebda inizjattiva li ħa l-Gvern. Filwaqt li stqarr li x’aktar li l-Kummissjoni Venezia se tgħid li l-Prim Ministru għandu ħafna poteri fl-għażla tal-membri tal-ġudikatura.

Huwa qal li l-Gvern b’mod ġenerali jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni u lest jimbarka fuq numri ta’ riformi kostituzzjonali li għandhom bżonn l-appoġġ tal-oppożizzjoni.

Ibda billi tneħħi lil Schembri u lil Mizzi – PN

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-Partit Nazzjonalista qal li jekk Joseph Muscat ma jibżax mill-bidla, għandu jibda billi jneħħi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi.

Skont il-PN, Joseph Muscat għandu jieħu wkoll b’serjetà kbira ir-rakkomandazzjonijiet li għamlitlu l-Kummissjoni Venezja biex ikun hemm rispett lejn il-liġijiet.