Bżonn liġi ġdida dwar l-impjiegi – Josef Bugeja, Newsbook Webinar

Read in English.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja saħaq li fid-dawl ta’ kif il-pandemija tal-coronavirus aċċellerat il-mod ġdid ta’ ħidma mid-dar, Malta teħtieġ qafas leġiżlattiv ġdid li jirregola dan il-mod ta’ xogħol.

Waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt dwar l-ekonomija wara l-Covid-19, Josef Bugeja stqarr li r-reżistenza minn min iħaddem għal xogħol mid-dar malajr ittaffiet u li wieħed jagħmel xogħlu mid-dar saret in-norma. Irrefera għas-sena 2008, meta hu stess kien ħadem biex it-telework ikun fost il-miżuri family friendly, u fisser li anke dakinhar l-impjegatur ma tantx kien favur minħabba biża’ dwar il-produttività.

Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU sostna li l-mod ġdid ta’ ħidma li ssaħħaħ f’temp ta’ tliet xhur, iġib miegħu drittijiet u responsabbiltajiet ġodda mhux biss għall-impjegti imma anke għal min iħaddem.

Fost l-oħrajn Bugeja semma li hemm bżonn li jitħaffef il-proċess li wieħed jeżerċita d-dritt li jaqta’ mix-xogħol (right to disconnect). Saħaq li dan hu essenzjali għas-saħħa mentali tal-impjegati kollha għax m’għandhom qatt ikunu mistennija li jaħdmu l-ħin kollu.  

“Jekk impjegat qed jaħdem mid-dar, allura d-desk tiegħu trid tkun estensjoni tad-desk fl-uffiċċju, li għaliha jkun responsabbli min iħaddem. Hemm bżonn li jibdew jingħtaw allowances għall-kompjuter, għall-internet u għall-elettriku, imma jista’ jinqata’ l-allowance tat-trasport”, kompla jispjega Bugeja.

Saħaq li l-qafas regolatorju hu meħtieġ ukoll f’każi ta’ x’jiġri jekk persuna tweġġa’ waqt il-ħin tax-xogħol imma tkun id-dar.

Josef Bugeja temm jenfasizza li dejjem għandu jkun hemm bilanċ bejn il-ħin fl-uffiċċju u d-dar u semma kif ħaddiem iżolat jista’ jbati mentalment u għalhekk hemm bżonn ta’ diskussjoni.

Nhar il-Ħamis li għadda, il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ħabbar li bdiet il-ħidma biex Malta jkollha qafas legali li jħares il-bżonnijiet tad-dinja tax-xogħol tal-lum u ta’ għada, biex jirrispondi għal ekonomija li dejjem tinbidel. Fost l-oħrajn semma l-fenomenu tal-ekonomija gig, li hi bbażata fuq impjiegi flessibbli, temporanju jew freelance, li jkunu bbażati online.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn