Bżonn li titwettaq verifika tad-djar residenzjali tal-anzjani – PD

Read in English.

Il-Partit Demokratiku appella lill-Gvern u l-awtoritajiet konċernati sabiex titwettaq verifika tad-djar residenzjali tal-anzjani.

Fi stqarrija, il-Partit spjega li Malta għandha l-ogħla rata per capita ta’ anzjani fil-kura residenzjali. Dan wassal sabiex ikun hemm żbilanċ bejn id-domanda li ma ttaffietx biż-żieda fis-sodod.

Dr Anthony Buttigieg qal li “l-approċċ ibbażat fuq kura tal-anzjani fil-komunità kif imsemmi fil-Policy Strateġika Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva ma naqqsitx il-pressjoni għad-domanda ta’ kura residenzjali ‘b’xejn’.” Hu kompla jgħid li “hemm ħafna raġunijiet, imma s-saħħa dgħajfa tal-età, pensjoni mhix adegwata, u ħajja mgħaġġla fejn familji żgħażagħ isibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja huma raġunijiet prinċipali.”

Il-PD sostna li sħubija bejn il-Gvern u l-privat għall-kiri tas-sodod lill-Gvern naqqset l-ispiża tal-operat għal kull persuna. Semma li l-ispiża tal-Gvern fil-qasam tal-kura fit-tul hija ħafna ikbar minn dik tal-privat. Qal li l-Gvern qed jieħu vantaġġ minn dan u minkejja t-twaqqif tal-Awtorità tal-iStandards għall-Anzjani fil-Kura Residenzjali li twaqqfet riċentament, is-servizz olistiku offrut lir-residenti anzjani qed imur għall-agħar “b’detriment għall-anzjani”.

Min-naħa tiegħu l-membru Parlamentari Godfrey Farrugia qal li wasal iż-żmien li l-Awtorità tagħmel verifika tas-settur u tiżgura li mhux biss jinżammu standards minimi, imma li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn il-provvedituri tas-servizzi meta l-Gvern jixtri t-tali servizzi.

L-istqarrija temmet tgħid li ż-żieda f’kura speċjalizzata żżid l-ispiża għal min jagħti l-kura u għalhekk hemm bżonn li “nagħmlu s-somom sew issa biex nifhmu l-bżonnijiet loġistiċi tal-futur qarib f’dan is-settur.”