“Bżonn li Paceville ikun post iktar sigur” – Michael Falzon

Ritratt: Arkivji

Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li hemm bżonn li Paceville ikun post aktar sigur.

Huwa qal dan ma’ Newsbook.com.mt meta mistoqsi dwar jekk jaħsibx li Paceville għadu post żgħażagħ ta’ 17-il sena fid-dawl taż-żieda ta’ vjolenza fil-post.

Il-Ministru kompla billi qal li l-vjolenza m’għandha qatt tkun ittollerata. “Minbarra li nżidu s-sigurtà rridu nħarsu lejn is-soċjetà b’mod ikbar u naraw xi jwassal liż-żgħażagħ għal ċertu mġiba u azzjonijiet li ma jagħmlu ġid lil ħadd”, kompla jgħid.

Dwar x’miżuri qed jittieħdu biex żgħażagħ taħt l-età ma jmorrux Paceville, il-Ministru qal ma’ Newsbook.com.mt li “hemm il-liġi relattiva u jrid ikun assigurat li qed tiġi infurzata”. Madanakollu insista li l-piż tal-infurzar għandu jinqasam bejn kulħadd, inkluż l-istabilimenti.

“Ejja ma nittimbrawx Paceville bħala xi ħaġa daqshekk negattiva. Huwa post tad-divertiment imma ma jfissirx li post tad-divertiment għandu jkollu konnotazzjonijiet negattivi marbuta miegħu”, saħaq il-Ministru.