“Bżonn li nsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta” – Grech lill-accountants

Il-Kap tal-PN stqarr li Malta trid tgħaddi mill-eżami tal-Moneyval biex ma jbatux iż-żgħażagħ u l-professjonisti fis-settur finanzjarju

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li kulħadd irid iġorr ir-responsabbiltà biex tisaħħaħ mill-ġdid ir-reputazzjoni ta’ Malta. F’laqgħa li kellu llum mal-Istitut tal-Accountants f’Malta (MIA) huwa qal li se jaħdem biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet biex isalva s-settur tas-servizzi finanzjarji u li minnu jiddependi l-għajxien ta’ eluf ta’ żgħażagħ u professjonisti bħall-accountants.

Bernard Grech tenna li jrid ikun hemm bidla fil-kultura li s-soluzzjonijiet jaslu biss mingħand il-politiċi. Madanakollu sostna li l-politiċi iżda għandhom jifhmu l-importanza li jaħdmu u jħarsu ‘l quddiem sabiex is-settur tas-servizzi finanzjarji jibqa’ jiġi sostnut u jibqa’ jissaħħaħ. Grech qal li l-Partit Nazzjonalista welled dan is-settur, u għalhekk għandu l-obbligu li jibqa’ jitkellem u juri fejn l-affarijiet ma jsirux kif suppost.

Matul din il-laqgħa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija Claudio Grech, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għas-Servizzi Finanzjarji Kristy Debono u l-President tal-Forum Professjonisti PN (FPPN) Graham Bencini. Id-delegazzjoni tal-Malta Institute of Accountants kienet immexxija mill-President Fabio Axisa.

“Il-PN se jkompli jgħin lill-Kunsilli Lokali”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għamel żjara lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u kellu laqgħa mal-Kumitat Eżekuttiv immexxi mill-President Mario Fava. Huwa qal li “kull min ikun fil-Gvern għandu jemmen fil-Kunsilli Lokali u għandu wkoll l-obbligu li jżidilhom il-fondi u l-poteri tagħhom”.

Dr Grech qal li kulħadd għandu jkollu interess wieħed, ġenwin u komuni, biex dik il-lokalità li jkun qiegħed jirrappreżenta tkun aħjar mhux biss għar-residenti imma anki għal kull min ikun qiegħed iżurha. Esprima s-sodisfazzjon tiegħu li fost il-pilastri promossi mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, hemm il-mobbiltà u l ispazju urban, u li fi kliemu dan jaqbel ħafna mal-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq livell nazzjonali.

Il-Kap Nazzjonalista saħaq li l-PN se jkompli jkun ta’ kontribut importanti fil-qasam tal-Kunsilli Lokali permezz tal-kunsillieri tiegħu, imma anki permezz tar-rappreżentanti tiegħu fil-Kumitati Reġjonali.

Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Komunitajiet Karl Gouder u l-President tar-Reġjun Ċentru Michael Fenech Adami.