Bżonn li nitkellmu b’serjetà dwar il-ħajja spiritwali u mhux l-ekonomija – L-Isqof Grech

Read in English.

Biex il-bniedem jerġa’ jsib lilu nnifsu u jġib l-ordni fil-qafas soċjali, u biex niżguraw futur għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin, għandna bżonn nibdew nitkellmu b’aktar serjetà mhux dwar l-ekonomija imma dwar il-ħajja spiritwali. Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech waqt l-omelija fis-Solennità tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Marija.

L-Isqof Grech qal li f’idejna għandna r-riżultati ta’ xi jfisser ma tagħtix kas jew tipprova tidfen id-dimensjoni spiritwali tal-bniedem. Hu spjega kif jekk inkomplu nħaffru l-ħofra li għamilna u nibqgħu naħsbu li l-pajjiż jista’ jibqa’ għaddej mingħajr ruħ se jiddispjaċina bil-kbir. Hu spjega li jeħtieġ issir rivoluzzjoni u din tista’ ssir jekk kull wieħed minna jibda jieħu b’impenn serja s-sejħa Nisranija. In-Nisrani m’għandux ikun kuntent li sema’ b’Alla jew li jkollu ftit ħjiel dwar Ġesù, imma n-Nisrani veru hu dak li jintebaħ li Alla huwa preżenti f’ħajtu u jħoss lil Alla viċin tiegħu.

L-Isqof spjega kif qabel ma nisimgħu dwar Alla, Alla jkun diġà fina. Għalkemm ħafna drabi l-preżenza tiegħu tkun preżenza anonima u forsi wkoll imrażżna, tibqa’ preżenza li timbuttana biex ningħaqdu miegħu. Il-mistiċiżmu fir-reliġjon Nisranija għandu l-bidu tiegħu fil-kuxjenza tagħna fejn jidwi l-leħen ta’ Alla. Hu kompla billi spjega u qal li jekk Alla mhux preżenti fil-ħajja ta’ kuljum, ifisser li dak “Alla” li nemmnu fih huwa biss ħlejqa immaġinattiva u mhux Alla ħaj. Daqskemm il-laqgħa ma’ Alla tista’ ssir fit-tempju, daqshekk ieħor tista’ ssir fit-triq. Hemm kontinwità bejn l-esperjenza li nagħmlu ta’ Alla waqt il-liturġija, iġifieri waqt is-sagramenti,  u l-esperjenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum.

Hu talab biex f’dan il-mument solenni ta’ għeluq is-Sena Marjana, Marija tagħtina l-għajnuna biex nieħdu r-ruħ spiritwalment, partikularment biex tgħinna ngħaddu minn spiritwalità li hija interessata f’dak li huwa straordinarju għal “mistika tal-ħajja ordinarja” li tgħinna napprezzaw ix-xrar tal-Infinit li jgħammex l-għajnejn. Spjega kif il-ħajja mistika hija wkoll “Marjana” mhux biss għax Marija hija dik li tiftħilna t-triq tal-esperjenza mistika u taqbadna minn idejna biex idaħħalna f’din l-esperjenza profonda ta’ Alla, imma wkoll għax bl-eżempju matern tagħha hija ssaħħarna u tqanqalna biex nixxennqu għal din l-esperjenza.

L-Isqof ta’ Għawdex qal li qed jikber in-numru ta’ dawk li jħossuhom mitlufin fil-ħajja tal-fidi u ma jarawx sens fil-ħajja sagramentali. Hu qal li wieħed jista’ jaqsam magħhom il-verħ tal-vanġelu billi noffrulhom il-possibbiltà li jiltaqgħu ma’ rġiel u nisa li jkunu għamlu esperjenza personali ta’ Alla. Huwa stqarr li n-Nisrani tas-seklu għandu jfittex li jkun mistiku jew inkella ma jkun Nisrani xejn. L-istess qal dwar il-Knisja tal-lum, jew se tkun Knisja mistika jew tista’ tagħlaq il-bibien. Huwa uża l-kliem ta’ Papa Franġisku biex spjega li s-soċjetà għandha bżonn tal-mistiċi biex jivdal tama għad-dinja.

Hu temm l-omelija billi bħala pellegrin u ragħaj, qegħed fi ħdan Marija il-karba biex tgħinna nkunu mistiċi u tgħinna ngħaqqdu l-fidi mal-ħajja ta’ kuljum.