Unur għall-Mexxejja Politiċi Nisa f’idejn il-President

Il-President ta' Malta Marie-Louise Coleiro Preca ġiet ippreżenta bil-Women Political Leader Award 2017, waqt summit dinji organizzat mill-Women Political Leaders Global Forum (WPL) f'kollaborazzjoni mal-Kunsill tan-Nisa Mexxejja madwar id-dinja. 
Il-President iddedikat dan l-unur lill-poplu Malti u Għawdxi, u qasmitu ma' dawk in-nisa kollha li qed jissagrifikaw ħajjithom u ħadd ma jaf bihom. 
Aktar kmieni, Coleiro Preca saħqet li d-dinja għandha bżonn lin-nisa u lit-tfajliet jipparteċipaw flimkien mal-irġiel u l-ġuvintur.
Hija kienet qed tindirizza d-diskussjoni ‘Kif in-nisa mexxejja jistgħu jibdlu d-dinja’.
Il-President Coleiro Preca qalet li temmen fl-irwol sħiħ li għandhom in-nisa fuq il-mejda tan-negozjati biex ikun hemm paċi sostenibbli.
Coleiro Preca enfasizzat li għandu jkun hemm aċċess ekwu għad-diversi opportunajiet li wieħed ikollu fil-ħajja mill-edukazzjoni għax-xogħol għan-nisa u t-tfajliet.
Hi saħqet li meta jkun hemm rispett għad-dinjità u l-benesseri tan-nisa u tfajliet kif ukoll il-kontribuzzjonijiet validi li jagħmlu, ikun hemm differenza li tinħass fil-komunitajiet u s-soċjetà tagħna.
Il-President sostniet li hemm bżonn ta’ mudelli ta’ mġiba u strateġja b’saħħitha.