Bżonn li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tiġġedded – Alex Agius Saliba

Facebook

Huwa importanti li l-Unjoni Ewropea tibqa’ tiġġedded sabiex tibqa’ tkun relevanti u viċin iċ-ċittadini. Dan kien il-messaġġ tal-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba fit-tieni attività taħt it-tinda li saret il-Ġimgħa 15 ta’ Marzu f’Raħal Ġdid. Huwa qal li dan jista’ jsir permezz ta’ aktar attenzjoni fuq elementi soċjali b’mod partikolari miżuri favur aktar aċċessibilità għal persuni b’diżabbiltà, kif ukoll iktar miżuri li jtejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin.

Il-Kandidat Laburista għamel referenza għall-fatt li minħabba li t-teknoloġija dejjem tavvanza tista’ twassal biex il-ħaddiema jkunu kostretti li jibqgħu jaħdmu wara l-ħin tax-xogħol. Agius Saliba qal li jemmen li dan id-dritt għandu jiddaħħal fil-liġi tax-xogħol Maltija u tenna li jekk jiġi elett se jkun qed jaħdem biex dan id-dritt flimkien ma’ oħrajn simili, li jgħinu biex jogħla l-livell ta’ għixien jingħataw liċ-ċittadini Ewropej kollha.

Huwa kkummenta dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u qal li dan huwa sinjal ċar li mhux kollox ward u żahar u hemm bżonn tiġi indirizzatha l-iskuntentizza li hemm anke fi Stati Membri l-oħra. Huwa qal li l-Unjoni Ewropea għandha żżid il-kompetenzi tagħha u l-Membri tal-Parlamentari Ewropej għandhom jaħdmu id f’id sabiex jipproteġu lill-pajjiż.