“Bżonn li l-Unjoni Ewropea ssir aktar rilevanti fil-pajjiżi membri”

Waqt laqgħa mal-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tkellem dwar il-bżonn li l-Unjoni Ewropea ssir dejjem aktar rilevanti fil-pajjiżi membri.
Simon Busuttil qal li l-poplu Malti u Għawdxi qiegħed iħoss il-benefiċċji tal-isħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, iżda biex l-interessi tal-poplu Malti verament jinstemgħu fuq livell Ewropew jeħtieġ li l-Parlament Malti jieħu rwol iktar attiv fi ħdan l-Unjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-ebda problema ma tista’ tissolva mill-istati membri waħedhom u għalhekk huwa kruċjali li l-koperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej tikber u tissaħħaħ.
Minn naħa tiegħu Martin Schulz tkellem dwar l-importanza tal-Parlament Ewropew fit-tisħiħ tal-koperazzjoni u d-djalogu sabiex l-Ewropa tkun tista’ tegħleb l-isfidi li qed taffaċċja.