Bżonn li l-President ikollu aktar poter dwar il-Kostituzzjoni – CSN

In-Network tas-Soċjetà Ċivili (CSN) laqgħet ir-riformi kostituzzjonali ġodda mħabbra mill-Gvern qalet li hemm bżonn li l-President tar-Repubblika jingħata aktar poter biex jaqbeż għall-Kostituzzjoni.

Fi starrija, in-netwerk qal li r-riformi jimxu mal-istess direzzjoni tas-suġġett tal-protesti tal-2017. Qal li wara pariri internazzjonali, jidher li l-Gvern beda jersaq lil hinn minn proċeduri kostituzzjonali li ma kinux ta’ standard demokratiku biżżejjed u li kienu “sfaw abbużati minn korruzzjoni u governanza ħażina”. Qal li fost dawn hemm il-ħolqien tal-irwol tal-Avukat tal-Istat apparti dak tal-Avukat Ġenerali.

Intant, CSN qal li qed jistenna bil-ħerqa l-konsultazzjoni pubblika ssir f’forum parlamentari biex ikunu rappreżentati kemm il-Gvern u l-Oppożizzjoni, flimkien mal-membri tas-soċjetà ċivili. Intant qal li la l-proċess ħa s-snin biex jasal f’dan il-punt, issa jrid inqabad rittmu li jwassal sabiex l-implementazzjoni tal-proċeduri ssir minnufih.

In-network qal li jixtieq jara aktar skrutinju parlamentari u mhux pożizzjonijiet maħtura biss mill-eżekuttiv. Qal li l-poteri jgħaddu mill-Prim Ministru għall-Kabinett f’sistema ta’ governanza Ingliża mhux biżżejjed imma il-Parlament Malti, li jirrappreżenta l-poplu, għandu jkollu sehem aktar attiv. Minħabba f’hekk is-CSN irrimarka li kemm jista’ jkun irwoli appuntati għandhom jirċievu approvazzjoni taż-żewġ terzi u idealment jitwessaw biex ikopru aktar irwoli. Qalu wkoll li l-President, flimkien mal-Qrati, għandhom ikollhom biżżejjed poter biex jieħdu azzjoni meta jkun hemm ksur tal-Kostituzzjoni, inkluż kontra leġiżlazzjoni mhux kompatibbli. Intant, għal skopijiet ta’ ċertezza legali, ir-rappreżentanti ta’ CSN qalu li jixtiequ jaraw l-introduzzjoni ta’ forma ta’ stare decisis, jew preċedent li jorbot il-qrati.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis ilbieraħ ippubblika l-ittra mingħajr data li huwa qal li bagħat lill-Kummissjoni Venezja f’isem il-Gvern Malti. Il-Ministru sejjaħ dan bħala “pass storiku fid-demokrazija ta’ Malta” hekk kif f’din l-ittra l-Gvern fisser il-kunċetti leġislattivi li bihom irid iwettaq riformi estensivi b’mod partikolari fil-qasam tal-Ġudikatura.

Fl-istqarrija il-Gvern qal li ra li ma jabbandunax it-tradizzjonijiet legali tan-nazzjon, iżda li jissaħħu s-sistemi eżistenti, billi din tkun evoluzzjoni fid-demokrazija tal-pajjiż, fost oħrajn, billi jiżdiedu u jissaħħu l-iskrutinji fis-sistema istituzzjonali Maltija. Dan ukoll fl-isfond ta’ dak propost mill-Kunsill tal-Ewropa stess.

Il-Gvern qal ukoll li jemmen fil-konsultazzjoni u għalhekk kien se jisma’ x’iridu jgħidu l-membri tas-soċjetà ċivili dwar dawn ir-riformi. Fl-istess waqt il-Gvern stqarr li huwa kunfidenti li r-riformi proposti huma “tajba u mingħajr ebda preċedent”.