“Bżonn li l-poplu Malti jkun jista’ jgħix sigur f’daru” – Azzopardi

‎Branko Stoilov‎

Read in English.

Id-Dekan tal-Fakulta għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi sostna li hemm bżonn li l-poplu Malti u Għawdxi jibda jħossu sigur jgħix f’daru stess.

Dan qalu hu u jikkummenta u jgħati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu wara l-inċident li seta’ sewa ħajja ta’ mara ta’ 77 sena hekk kif il-blokka appartamenti li kienet tgħix fiha ġġarfet fil-Mellieħa. Il-blokka kienet tinsab eżatt maġenb sit ta’ kostruzzjoni.

Aqra: Tinstab ħajja l-mara vittma tat-tiġrif fil-Mellieħa

Azzopardi sostna li l-bżonn li wieħed ikollu saqaf fuq rasu u jgħix f’ambjent sigur huwa dritt bażiku tal-bniedem. Sostna li minkejja li wieħed iżomm responsabbli lill-persuna li kellha tiggarantixxi din is-sigurtà, dan il-pass mhux biżżejjed biex inċidenti bħal dawn ma jibqgħux isiru.

Għaldaqstant, Azzopardi għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet li jemmen li jistgħu iwasslu għal ħajja aħjar għall-pubbliku li jkun iħossu aktar sigur f’daru. Hu appella għal approċċ aktar regolat sabiex inċidenti bħal dawn ma jibqgħux isiru. Qal li dawn ir-regoli jridu jpoġġu l-bżonnijiet u s-sigurtà tar-residenti fl-ewwel post. Tenna li l-ekonomija ta’ Malta ma tiġix qabel is-sigurtà tal-poplu.

Aqra: “L-istħarriġ ġeo-tekniku qabel il-bini rari jsir” – MDA

Qal li r-regolarizzazzjoni tirrikjedi li kull persuna involuta fl-industrija tal-kostruzzjoni jkollha t-taħriġ neċessarju sabiex tkun esperta fl-industrija u b’hekk kapaċi tmexxi dan ix-xogħol. Qal li dan it-tip ta’ taħriġ għandu jkun rappreżentat minn permessi u warrants li jistgħu jiġu revokati immedjatament malli persuna tikser il-protokoll. Qal li l-liġijiet għandhom jiġu enforzati b’mod konsistenti u mingħajr favoritiżmu.

Intant qal ukoll li l-kumitati u t-tribunali jridu jsegwu u jisimgħu l-ilmenti malajr u jipprovdu soluzzjonijiet effettivi. Sostna wkoll li hemm bżonn ta’ entitajiet jew persuni li jsegwu kull żvilupp b’mod regolari filwaqt li appella sabiex ir-riżultati ta’ inkjesti dwar inċidenti maġġuri jkunu aċċessibbli mill-pubbliku fi żmien raġjonevoli.