Bzonn li l-pilloli tal-HIV ikunu aċċessibbli għal kulħadd – MGRM

Il-Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM) il-Ħadd nediet kampanja u website ġdida dwar l-HIV f’Malta. L-għan ta’ din il-kampanja huwa li tiġi eliminata l-istigma jkun hemm diskussjoni u informazjoni aċċessibbli dwar l-istat mentali kif ukoll li jkun hemm il-mediċina inkluż dik preventiva aċċessibbli mingħajr iktar dewmien.

Spjegaw li dawk il-persuni li jkollhom l-HIV jistgħu jgħixu ħajja normali. Skont riċerka li saret mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u s-Centre for Disease Control and Prevention (CDC) bit-trattament li qed jingħata l-virus tal-HIV mhux qed jidher u għalhekk ma jkunx trasmess.

Persuna li jkollha l-virus tal-HIV tieħu pillola kuljum madankollu din għadha mhux aċċessibbli f’Malta. L-MGRM spjegaw li bħala stakeholder mhux jiġu kkonsultati minkejja li għamlu talba biex it-trattament jitjieb fi Frar li għadda.

Il-Malta LGBTIQ Rights Movement qalu li l-pillola Pre-Exposure Prophylaxis (PrEP) immirata biex tnaqqas ir-riskji li persuna jkollha l-virus tal-HIV b’99% għadha mhux affordabbli minn kulħadd. Komplew li t-trattament ta’ emerġenza għal persuna li possibilment jista’ jkun li ħadet l-virus huwa aċċessibbli biss mill-Isptar Mater Dei u jiswa €600. Huma appellaw biex dan it-trattament jingħata b’xejn.

Din il-kampjanja hija parti minn sensiela ta’ proġetti li l-MGRM se tkun qed tniedi. L-MGRM qed taħdem ma’ għaqdiet mhux governattivi u stakeholder bħal PrEPingMalta, Allied Rainbow Communities u Checkpoint Malta.