Bżonn li l-persuni b’diżabiltà jagħmlu aktar attività fiżika

Matul il-ħames snin li ġejjin, hu maħsub li 20% tal-persuni b’diżabiltà se jkunu qed jagħmlu tal-anqas 3 sigħat fil-ġimgħa attività fiżika.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport Stefan Buontempo qal li “wasal iż-żmien biex nipprovdu opportunitajiet indaqs fl-isport”.

Buontempo sostna li hi responsabiltà tal-politiċi u ċ-ċittadini kollha li l-persuni bi bżonnijiet differenti jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti u jieħdu deċiżjonijiet għalihom infushom mingħajr ebda restrizzjoni.

Kompla jgħid li l-isport għal persuni b’diżabiltà mhuwiex kunċett ġdid "iżda l-potenzjal tiegħu bħala mezz ta’ kif jista’ jkollna aktar inklużjoni, qed tibda tingħata l-importanza mistħoqqa".

Buontempo sostna li l-iSpecial Olympics jistgħu jiġu inklużi fil-programm Summer on the Move,  immexxi mill-Kunsill Malti għall-Isport.