“Bżonn li l-kelma ‘minuri’ fil-liġi tinkludi t-tarbija fil-ġuf” – Life Network

Propju wara li lbieraħ filgħodu fil-Parlament kien qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Awtorità tal-Protezzjoni tal-Embrijuni, il-Fondazzjoni Life Network qalet li hemm bżonn li l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri, partikolarment għall-ħtieġa li jkun espliċitament imsemmi li l-kelma “minuri” tinkludi t-tarbija fil-ġuf.

Dan qalitu fi stqarrija fejn il-Fondazzjoni spjegat li din il-proposta hija waħda li tittama li tintlaqa’ mill-Gvern sabiex b’hekk, ikun aċċertat li t-tfal kollha jitħarsu ugwalment, kemm jekk imwielda, kif ukoll jekk mhux imwielda.

Il-Fondazzjoni tkellmet wara li d-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech ippropona fil-Parlament li d-definizzjoni legali tat-tarbija fil-ġuf għandha titniżżel fil-liġi tal-protezzjoni tal-minuri. Il-Fondazzjoni tenniet li ladarba l-Gvern huwa kontra l-abort, m’għandux ikun diffiċli li l-Gvern, bi qbil mal-Oppożizzjoni, jilqa’ din il-proposta u jemenda t-tifsira tal-kelma “minuri” kif spjegat.

Aqra: “Il-protezzjoni tal-ġuf għandha tkun fil-liġi” – Deputat PN

“Id-diskussjoni dwar il-PGD hija inkwetanti”

Skont il-Fondazzjoni, id-diskussjoni dwar il-pre-implantation genetic diagnosis (PGD) hija ferm inkwetanti. Dan kien wieħed mis-suġġetti li ġew diskussi meta kien qed jiġi emendat l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni u kien hemm qbil li ma ssirx għażla bejn l-embrijuni f’saħħithom u dawk li m’humiex.

Il-Fondazzjoni spjegat li l-PGD hija prattika fejn isir screening fuq embrijuni fil-proċess tal-IVF fejn dawk l-embrijuni li jinstab li jkollhom xi kundizzjoni ġenetika partikolari, ma jitħallewx jgħixu u jitqiegħdu lura fil-friża. Il-Fondazzjoni sostniet li din il-prattika tiddisprezza lill-Maltin u l-Għawdxin li minkejja li jkollhom xi kundizzjoni partikolari, huma xorta maħbubin mill-familja tagħhom. Insistiet li l-PGD tiddiskrimina kontra dawk li għandhom xi kundizzjoni ġenetika u “tgħidilhom li huma għandhom dritt inqas li jgħixu minn dawk li huma f’saħħithom.”