Bżonn li jitwaqqaf mill-ġdid il-Mental Health Crisis Intervention Team – PN

Hemm bżonn li jitwaqqaf mill-ġdid il-Mental Health Crisis Intervention Team. Dan qalu fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista fil-Jum Dinji ddedikat għall-prevenzjoni tas-suwiċidju.

L-istqarrija li ġiet iffirmata mill-Kelliem għas-Saħħa Mentali Mario Galea tgħid li hemm bżonn li wieħed jitkellem ċar fuq is-suwiċidju. Il-Crisis Intervention Team huwa kruċjali bħala servizz għal dawk li jkunu f’riskju ta’ suwiċidju fost oħrajn. It-tim kien jopera qabel minn ħdejn l-emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Galea qal li ġie żarmat malli tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista. L-Unjoni Ewropea wkoll ilha tappella biex kull pajjiż membru jkollu strateġija nazzjonali kontra s-suwiċidju.

Aqra: “Grazzi lill-Pulizija li għenuna nsalvaw persuna minn ħalq is-suwiċidju”

Il-PN sostna li s-suwiċidju mhux soluzzjoni. Dawk li qed jaħsbu biex jikkommettu suwiċidju għandhom ifittxu l-għajnuna, hekk kif mument ikrah jgħaddi.

Illum l-Għaqda Dinjina tas-Saħħa qalet li persuna tmut kull 40 sekonda kawża ta’ suwiċidju. Spjegat li hija kwistjoni ta’ saħħa globali, li ma tagħmilx distinzjoni fuq bażi ta’ età, ġeneru jew reġjun.

Aqra: Ir-riskju tas-suwiċidju jogħla fis-sajf – Psikjatra

Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

1. Il-burdata tinbidel.
2. Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.
3. Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.
4. Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

Aqra: Diskussjonijiet mal-Gvern għat-tisħiħ ta’ Crisis Resolution Malta

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju tista’ ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.