“Bżonn jitħarrġu fil-governanza tajba” – Repubblika

Aġġornat 08:36 PM
Kevin Abela

L-NGO Repubblika semmiet għadd ta’ persuni li se jkunu jagħmlu parti mill-Kumitat dwar il-Governanza li tħoss li għandhom jitħarrġu fil-governanza tajba. Hi qalet li dan għandu jsir ladarba huma “baqgħu ħalqhom magħluq” meta ministru tal-Gver u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru nqabdu b’kumpaniji sigrieti fil-Panama u meta taw vot ta’ fiduċja fl-istess persuni anke wara l-arrest ta’ Yorgen Fenech u l-informazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Repubblika qalet li l-kompożizzjoni ta’ dan il-kumitat ma tawguraw tajjeb.

X’taħseb Repubblika dwar Mario Cutajar?

Repubblika qalet li Mario Cutajar, il-kap taċ-ċivil, li pubblikament iddefenda miżuri ta’ governanza ħażina. Qalet li taħtu għandu mas-700 impjegat każwali, li skont Repubblika, inħatru għax huma Laburisti ta’ fiduċja. Qalet ukoll li Cutajar ħadem biex il-pariri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar governanza tajba jiġu injorati.

X’taħseb Repubblika dwar Owen Bonnici?

Dwar Owen Bonnici Repubblika qalet li dan kaxkar saqajh fuq ir-riformi istituzzjonali li talab il-Kunsill tal-Ewropa meta dawn ir-riformi kienu fir-responsabbiltà tiegħu. L-għaqda semmiet kif Owen Bonnici iċċensura protesta leġittima fi Pjazza l-Assedju l-Kbir, liema ċensura issa waslet fi tmiemha wara ordni mill-Prim Ministru Robert Abela.

Kompliet tgħid li Bonnici “konsistentement għaffeġ id-diskors pubbliku billi rrapreżenta ħażin it-tifsir ta’ kunċetti bħal ‘saltna tad-dritt’ u ‘libertà tal-espressjoni’.”

X’taħseb Repubblika dwar Edward Zammit Lewis?

Repubblika spjegat li meta Zammit Lewis kien Ministru tat-Turiżmu ta’ sponsorship ta’ €1 miljun lill-Vistajet biex tirreklama lil Malta fuq l-ajruplani tagħha minkejja li l-kumpanija ma ġġorrx turisti u sservi ta’ taxi għall-biljunarji. Spjegat li qatt ma ħarġet ir-raġuni għaliex il-€1 miljun tħallas ġimgħa wara li ajruplan tal-Vistajet tar vojt lejn l-Ażerbajġan u wara lejn Dubaj sigħat wara li Ali Sadr Hasheminejad, is-sid tal-Bank Pilatus, ħareġ mill-bank tiegħu Pilatus b’bagalji magħluqa. Sostniet li dan kien eżempju attroċi ta’ governanza ħażina.

X’ġara fl-ewwel laqgħa tal-Kabinett?

F’din l-ewwel laqgħa l-kabinett qabel mal-proposta tal-Prim Ministru, li jitwaqqaf kumitat dwar il-Governanza. Il-Kabinett iddeċieda li l-kumitat jitmexxa mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis, u jkun kompost mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurta Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mas-Segretarju tal-Kabinett Mario Cutajar.

Il-Kumitat immexxi mill-President se jispiċċa? – l-Oppożizzjoni

L-Oppożizzjoni nnutat b’sodisfazzjon it-twaqqif ta’ dan il-Kumitat, iżda qalet li dan ġara “tard ħafna” u setgħet “tiġi evitata ħsara enormi għal pajjiżna” li kieku l-Gvern aġixxa qabel.

Bil-ħatra tal-Kumitat tal-Kabinett, l-Oppożizzjoni staqsiet jekk dan ifissirx li l-Kumitat immexxi mill-President tar-Repubblika dwar it-Tibdil Kostituzzjonali huwiex se jispicca. Staqsiet ukoll jekk fi ħdan dan il-Kumitat hix se tibqa’ għaddejja d-diskussjoni biex jintlaħaq qbil dwar it-tibdil li jrid jsir.

L-Oppożizzjoni stqarret li trid li l-Gvern jassigura li kull bidla li se sseħħ “ma ssirx b’romblu minn fuq kulħadd u kif jrid il-Gvern iżda wara diskussjoni serja mal-Oppożizzjoni u l-istakeholders kollha, inkluż is-soċjetà ċivili.”