Read in English.
L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) qalet li għandu jkun hemm inkjesta wara li nstab li hemm xogħlijiet foloz fis-settur pubbliku. Qalet li l-inkjesta għandha ssib kemm hija wiesgħa din il-prattika. Dan wara li ġie żvelat li Melvin Theuma, l-allegat sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ngħata impjieg ma’ kumpanija tal-Gvern.
Fi stqarrija l-MEA qalet li l-każ ta’ Melvin Theuma mhux eċċezzjoni. Fakkret kif sa ftit żmien ilu ħadd ma ried jispjega liema dipartiment kien qed jimpjega lil Neville Gafa.
L-MEA qalet li dan imur kontra l-governanza tajba u li huwa abbuż tal-fondi pubbliċi.
Theuma ma gidibx li kien impjegat tal-Gvern; Cutajar imur għand il-Pulizija
“Huwa inkredibbli li, f’sitwazzjoni fejn min iħaddem huwa ddisprat għall-ħaddiema, nisimgħu b’każijiet li fihom nies qed jitħallsu mingħajr stennija li jgħatu xi ħaġa lura.”
L-MEA qalet li din hija inġustizzja għall-komunità tan-negozju u għal dawk il-ħaddiema bieżla li jinżammu responsabbli għal dak li jipproduċi biex jaqilgħu l-paga.
Żiedet tgħid li hi wkoll inġustizzja mad-dipartimenti tal-gvern li m’għandhomx biżżejjed nies.
L-MEA talbet lill-Prim Ministru Joseph Muscat biex jirreżenja minnufih għall-ġid tal-pajjiż.