“Bżonn il-barranin biex jindirizzaw l-iskarsezza fix-xogħol” – Dalli

DOI - Clifton Grima

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Helena Dalli qalet li ż-żieda sostenibbli ta’ ħaddiema barranin hija meħtieġa biex Malta tindirizza l-iskarsezza ta’ ħaddiema li qed tirriżulta minn tkabbir ekonomiku bla preċedent. Hija qalet li dan irid isir wara li l-Gvern Malti diġà qed joffri inċentivi għall-Maltin biex jidħlu fis-suq tax-xogħol bħaċ-childcare mingħajr ħlas u l-in-work benefit.

Il-Ministru Dalli qalet li Malta qed tkompli toħloq niċeċ ekonomiċi ġodda li qed jattiraw l-investiment u jkattru ġid għal kulħadd. F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, hija fissret kif l-akbar sfida għas-sostenibbiltà tat-tkabbir ekonomiku f’Malta hija r-riżorsa umana.

Saħqet dwar l-importanza li jkun hawn ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa, li kulma jmur qed ikunu aktar speċjalizzati.

Semmiet għadd ta’ miżuri fis-suq tax-xogħol Malti fosthom boroż ta’ studju fil-livell ta’ dottorat jew Masters fil-Blockchain DLTs, Masters fit-Teknoloġija tal-Informatika fl-MCAST u l-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv għal dawk iż-żgħażagħ li jippreferu ċerti snajja’.

Tkellem ukoll is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia li qal li n-nuqqas ta’ ħaddiema fil-pajjiż hu sintomu ta’ ekonomija li kibret b’rata mgħaġġla u li assorbiet eluf ta’ ħaddiema ġodda.

Iddeskriva dan bħala l-evoluzzjoni tad-djalogu soċjali ħaj f’Malta f’kuntest ta’ dak li sejjaħ bħala tkabbir ekonomiku bla preċedent.