Read in English.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis saħaq li kull deterrent li daħħal il-Gvern biex iwaqqaf il-vjolenza domestika ma ħadimx.
Il-Ministru kien qed jitkellem dwar l-aħħar delitt f’Ħaż-Żabbar fejn qal li dak li seħħ mhux aċċettabbli u li m’hemm l-ebda skuża jew ġustifikazzjoni. Hu qal li jrid jara li l-pieni jibqgħu jiżdiedu iżda ammetta li dawn id-deterrenti xorta ma ħadmux.
“Ma nistgħux ngħidu li m’hemmx pieni li huma severi iżda hu ċar li f’dan il-każ ma ħadimx u ma servewx ta’ deterrent,” hu stqarr.
Zammit Lewis qal li “nafu li dawn il-każijiet jibdew fl-għasses tal-Pulizija. Irridu naraw li jkun hemm aktar taħriġ fi ħdan il-Pulizija kif jitrattaw lil min imur jagħmel rapport.”
“M’hemmx dubju li din il-ġlieda trid tkun miġġielda b’aktar aggressività u determinazzjoni,” kompla jgħid Zammit Lewis.
“Il-vjolenza soċjali għadha pjaga soċjali f’pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru għall-Ġustizzja.