“Bżonn iktar kontroll għal illegalitajiet bi skuża ta’ xi qaddis” – Maġistrat

F’sentenza li ta riċentament, il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li għandu jkun hemm iktar infurzar biex ma jsirux illegalitajiet b’riskju għal terzi persuni, “bi skuża ta’ xi qaddis”.
Dr Mifsud għamel dan l-appell f’sentenza li ta fil-konfront ta’ Joseph Muscat ta’ 44 sena mir-Rabat Għawdex, li fl-2015 il-Pulizija sabitlu materjal splussiv f’post li ma kienx fabbrika tan-nar.
Irrefera għal dak li qalet id-Djoċesi ta’ Għawdex fl-2012, f’Nota Pastorali dwar il-logħob tan-nar fil-festi. Fost l-oħrajn kienet eseġiet iżjed ħarsien tal-miżuri tas-sigurtà, iktar kontroll u iżjed infurzar tar-regolamenti.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li l-post fejn instab il-materjal, kien f’għalqa biswit il-kunvent ta’ Manresa fil-Fontana.
Il-materjal instab f’kontejner aħdar, u kien se jintuża għall-festa tat-Triq tal-Għajn u għal xi festa oħra.
L-imputat kien ikkonferma li l-kontejner kien tiegħu u li kien fih materjal relatat max-xogħol tan-nar tal-festa.  Saħaq li kwalunkwe manifattura ta’ splussiv saret fil-kontejner u li ma ġarrx splussiv minn xi mkien ieħor.
L-akkużat ġie ordnat iħallas multa ta’ €20,000, filwaqt li l-liċenzja tan-nar tiegħu ġiet sospiża.