Bżonn id-demm…

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella li f’dan iż-żmien meta l-appell ġenerali hu li nieħdu ħsieb xulxin, iktar nies f’saħħithom għandhom imorru jagħtu d-demm.

Is-Servizz ifakkar li għalkemm naqqsu l-operazzjonijiet, xorta għad hawn bżonn ammonti sostanzjali ta’ trasfużjonijiet tad-demm, fosthom għall-pazjenti b’mard kroniku, bħall-kanċer, għal dawk korruti, għall-morda bil-kliewi, għal ommijiet bi problemi waqt il-ħlas, kif ukoll għal trabi li twieldu qabel iż-żmien.

Quddiem dawn il-bżonnijiet ma jaqtgħu xejn, dawk li huma f’saħħithom huma mħeġġa jmorru:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum sebat ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8am sas-6pm.
  • fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar Il-Ġimgħa 3 ta’ April (Jum id-Duluri) se jkun fil-parkeġġ ta’ quddiem il-fabbrika ta’ Farsons, fi Triq l-Imdina, l-Imrieħel.
  • fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar Il-Ħadd 5 ta’ April se jkun maġenb il-knisja parrokkjali ta’ Ħad-Dingli mit-8:30am sas-1pm.
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar it-Tlieta 7 ta’ April se tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1pm sal-5pm.

Huwa importanti li wieħed jieħu miegħu l-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.