Bżonn ħidma aktar f’saħħitha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi – Dalli

Hemm bżonn ħidma aktar f’saħħitha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan qalitu l-Membru Parlamentari Laburista Miriam Dalli waqt is-sessjoni plenarja li hemm għaddejja bħalissa fi Strasburgu. Newsbook.com.mt kien preżenti għall-ftuħ tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Waqt sessjoni li bdiet għall-ħabta tad-9am, l-MEPs qed jagħmlu l-preparazzjonijiet tagħhom qabel il-Climate Action Summit u s-Sustainable Development Goals Summit li se jkunu qed isiru fi New York fil-jiem li ġejjin.

Dalli qalet li l-Unjoni Ewropea hemm bżonn taqbel fuq pjan ta’ azzjoni għall-klima. Sostniet li hemm bżonn li jkun hemm ukoll fondi għal dan u policies li jirrelgolarizzaw l-avvanzi. Sostniet li jekk l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli jintlaħqu mill-Istati Membri Ewropej sal-2030, xorta waħda mhux se jkunu ntlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi.

Fid-diskors tagħha ta’ minuta, Dalli qalet li hemm bżonn tibdiliet f’bosta setturi fosthom dawk tat-trasport, tal-kostruzzjoni u tal-ambjent. Insistiet li hemm bżonn azzjoni kollettiva Ewropea, b’vuċi b’saħħitha, li ma tibżax tippreżenta pjanijiet ambizzjużi. Insistiet li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex taħrab mir-responsabbiltajiet tagħha.

L-għan ewlieni tal-Ftehim ta’ Pariġi huwa li jsaħħaħ il-ħidma globali għall-effetti negattivi li qed iġġib magħha l-bidla fil-klima. Dan sabiex kemm jista’ jkun tiġi llimitata ż-żieda fit-temperatura. Il-ftehim iħares ukoll lejn pajjiżi tat-tielet dinja u modi kif dawn jistgħu jaffaċċjaw l-impatti li t-tibdil tal-klima tħalli fuq il-pajjiż tagħhom.

Mid-diskorsi li għamlu għadd kbir ta’ MEPs fi Strasburgu, jidher li l-maġġoranza jemmnu li l-Unjoni Ewropea għadha lura mill-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. Dan minħabba nuqqas ta’ fondi li jippermettu li dan isir.

Fis-Summit, il-pajjiżi tan-Nazzjonijiet Magħquda u entitajiet oħrajn se jkunu qed jiddiskutu l-azzjoni li qed issir dwar it-tibdil fil-klima. Dan qabel id-diskussjonijiet li mbagħad se jkunu qed isiru f’Diċembru fiċ-Ċili.

F’Marzu, il-Parlament Ewropew kien talab lill-pajjiżi Ewropej sabiex jaħdmu biex jeliminaw kompletament l-emmissjonijiet tal-gass sas-sena 2050.