Bżonn għajnuna għas-sajjieda żgħażagħ u dawk ġodda għas-sajd – Agius

Peter Agius

Il-Kandidat għall-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista Peter Agius sostna li sajjieda żgħażagħ jew dawk li għadhom jibdew għandhom jingħataw l-assistenza. Agius ippreżenta erba’ proposti li fi kliemu il-Partit Nazzjonalista se jkunu qed issaħħaħ il-vuċi tas-sajjieda Maltin fuq livell Ewropew.

F’konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Marsaxlokk Agius sostna li s-sajjieda Maltin għandhom bżonn rappreżentanza b’saħħitha fuq livell Ewropew hekk kif kollox jiġi deċiż minn Brussell.

Il-proposti ppreżentati mill-Partit Nazzjonalista jinkludu li jiġi iffaċilitat il-proċess li bih is-sajjieda f’Malta jistgħu jaċċessaw u jagħmlu użu minn fondi Ewropej għas-sajd. Proposta oħra tinkludi multi li huma proporzjonati u trasparenti kif ukoll li għajnuna lis-sajjieda li għandhom diffikultajiet biex jiktbu u jaqraw.

Agius spjega li s-sajd għat-tonn u l-pixxispad huma suġġetti għall-kwota u għalhekk dan qed joħloq diffikultà għal dawk iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu fl-industrija tas-sajd. Sostna li dawk li għadhom jibdew fis-sajd għandhom jingħataw għajnuna biex jixtru l-bastimenti, jingħataw kwota u l-permessi neċessarji biex jaqbdu t-tonn u l-pixxispad. Agius spjega li dan jista’ jsir billi jkun hemm self iggarantit mill-gvern b’rati ta’ interess viċin iż-żero. Kompla jgħid li Malta tista’ tagħmel użu mill-assistenza diretta sa €75,000 mir-Regolazzjoni tas-Sajd tal-UE.