“Bżonn faċilitajiet psikjatriċi ġodda” – Riċerka dwar il-kannabis u l-psikożi

Riċerka dwar ir-rabta tal-kannabis u l-psikożi mil-lenti tal-pazjenti u x’jaħsbu dwar is-servizzi tas-saħħa f’Malta kkonfermat il-bżonn li jinbnew faċilitajiet psikjatriċi ġodda.

L-istudju li sar mill-psikjatra Dr. Anton Grech MD sab ukoll li minkejja l-bżonn ta’ dawn il-faċilitajiet ġodda, hemm bżonn li l-policies tal-iswali jiġu investigati, kif ukoll modi ta’ kif wieħed jista’ jnaqqas li persuni jittieħdu ġo dawn il-faċilitajiet b’mod involontarju. Skont l-istess riċerka, sa dan l-istudju kien għadu ma sar xejn fil-pajjiż li janalizza r-relazzjoni bejn il-kannabis u l-psikożi f’Malta.

Ir-riċerka tispjega kif il-kannabis hija l-iktar droga rikreattiva użata madwar id-dinja. Tgħid ukoll li hemm evidenza estensiva li turi li l-kannabis iżżid iċ-ċans li wieħed isofri minn psikożi, instab ukoll li meta jitnaqqas l-użu tal-kannabis, l-episodji tal-psikożi jonqsu wkoll. Il-psikożi hija marda mentali li ġġiegħlek tara l-affarijiet ta’ madwarek b’mod differenti immens minn kif inhuma fir-realtà.

L-istudju ta’ Dr Grech sab ukoll li filwaqt li l-edukazzjoni psikoloġika hija importanti hemm bżonn li wieħed jikkunsidra l-mod kif qed isir ir-reklutaġġ u kemm qed ikunu effettivi dawn is-sessjonijiet.

Ir-riżultati tal-istudju li sar fuq adulti li għandhom bejn 18 u 60 sena, sab li l-età medja li fiha bdew jagħmlu użu tal-kannabis hija dik ta’ 16-il sena. Fost ir-risposti bosta qalu li joqgħodu attenti u meta jħossu li se jkun ġej xi attakk tal-psikożi ma jpejjpux il-ħaxixa. Oħrajn spjegaw kif filwaqt li l-kannabis tgħinek sabiex tikkalma, dan l-effett iseħħ biss fil-bidu tal-użu ta’ din id-droga. Jispjegaw li maż-żmien, it-tipjip tal-kannabis jibda jagħmel il-ħsara lill-ġisem.