“Bżonn deputati li jpoġġu l-interessi ta’ Malta l-ewwel” – Sant

Dr Alfred Sant, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew u kandidat f’isem il-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-MEPs f’Mejju li ġej, saħaq li jkun kruċjali li jiġu eletti deputati li jpoġġu l-interessi ta’ Malta l-ewwel u qabel kollox fil-Parlament Ewropew. Dr Sant saħaq li kull deputat irid jaħdem b’diliġenza, onestà u impenn.

Waqt attività soċjali fin-Naxxar, l-Eks Prim Ministru Laburista stqarr li Malta teħtieġ il-flessibilità biex tattira lejha l-investiment, u li l-imġiba tad-deputati Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew ħadmet biex tiġbed kritika u attakki fuq isem il-pajjiż.

“In-nisa parti essenzjali mill-pajjiż” – In-Nisa Laburisti

Inant, in-Nisa Laburisti fi stqarrija saħqu li n-nisa huma parti essenzjali mill-pajjiż li jaspira li jkun l-aqwa fl-Ewropa. Stqarrew li l-PN hu maħkum minn negattività, li sejħu inkredibbli, “tant li għad-deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg, in-nisa Maltin huma l-agħar fl-Ewropa”.

“€100 għall-irġiel, €88 għan-nisa” – Claudette Buttigieg

Fi stqarrija, in-Nisa Laburisti qalu li l-Gvern jaġixxi b’differenza biex f’Malta jkun hawn ugwaljanza anke fir-rappreżentanza fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Żiedu jgħidu li n-nisa li jaħdmu, żdiedu b’aktar minn 33,000 meta mqabbel mal-2012, żieda ta’ madwar 12%. Sostnew li dan kien possibbli għax is-surplus issarraf f’childcare centres b’xejn u inċentivi oħra biex il-familji Maltin u Għawdxin ikomplu jtejbu l-livell tal-ħajja.

Aktar mill-kampanja elettorali llum: