Bżonn bdil fil-liġi ta’ kameras li jagħrfu l-uċuħ – MITLA

L-Assoċjazzjoni Maltija għal-Liġi dwar it-Teknoloġija tal-Informatika (MITLA) qalet li l-ipproċessar ta’ informazzjoni minn kameras tas-sigurtà li jagħrfu l-uċuħ jirrekjedi bdil fil-liġijiet.
Il-MITLA kienet qed tirreaġixxi għar-rapport li deher fil-Malta Today dwar kif se jiġi implimentat proġett pilota f’Paceville dwar kameras li jistgħu jagħrfu l-uċuħ tan-nies.
Fi stqarrija, l-assoċjazzjoni qalet li biex din it-teknoloġija magħrufa bħala facial recognition tidħol fis-seħħ f’Malta, hemm bżonn liġijiet speċifiċi għal dan.
Sostniet li l-ipproċessar ta’ informazzjoni biometrika minn awtoritajiet kompetenti għandha tingħata permess biss meta jkun hemm in-neċessità stretta li dan isir. Żiedet tgħid li hemm bżonn ukoll salvagwardji adegwati.
Il-MITLA tinnota li filwaqt li l-użu tal-aħħar teknoloġija mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi huwa bżonnjuż għall-prevenzjoni u l-investigazzjoni ta’ attivitajiet kriminali, l-ipproċessar ta’ informazzjoni personali għandu jsir skont il-liġi. Żiedet tgħid li din il-miżura trid tiġi użata b’mod proporzjonat f’soċjetà demokratika.
L-assoċjazzjoni qalet li bħalissa, informazzjoni biometrika hija kklassifikata bħala informazzjoni personali sensittiva.