Bżonn aktar studji dwar l-impjant li jbiddel l-iskart f’enerġija – NGOs

Read in English.

Għadd ta’ NGOs appellaw biex isiru aktar studji dwar l-impjant li jrid jibni l-Gvern fil-Magħtab li jbiddel l-iskart f’enerġija.

Fi stqarrija 10 għaqdiet esprimew it-tħassib tagħhom dwar dak li sejħu bħala nuqqas ta’ informazzjoni teknika dwar il-proġett tal-impjant ġdid tal-Wasteserv. Qalu li għandha ssir evalwazzjoni tal-impatt soċjali (SIA) apparti mill-istudju dwar l-effetti fuq l-ambjent (EIA).

Studji dettaljati dwar l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju u emissjonijiet potenzjalment perikolużi oħra huma importanti ħafna sabiex jgħinuna nifhmu x’tip ta’ impatt se jkun qed iħalli dan l-impjant tal-immaniġġjar tal-iskart fuq bliet, irħula u komunitajiet tal-biedja li jinsabu fil-qrib, u m’għandhomx jiġu mwarrba,” qalu l-NGOs.

“L-inċinerazzjoni u l-konverżjoni termali ma jikkwalifikawx bħala enerġija rinnovabbli u jkun ħażin li nagħtu l-impressjoni li dawn jistgħu jitqiesu bħala tali. Id-daqs tal-impjant li jikkonverti l-iskart f’enerġija għandu kemm jista’ jkun jinżamm minimu sabiex ikun hemm spazju fejn jiġi ttrattat skart li attwalment ma jistax jiġi rriċiklat,” saħqu l-għaqdiet.

L-għaqdiet jemmnu wkoll li sistema li tikkonverti l-iskart fl-enerġija taf twassal għal ġenerazzjoni eċċessiva tal-iskart.

Appellaw ukoll għal studji dwar is-sistema ta’ tkessiħ tal-inċineratur. Qalu li jekk jintrema ilma sħun fil-baħar ta’ Baħar iċ-Ċagħaq dan se jħalli impatt negattiv fuq l-ambjent marin. Qalu ukoll li t-telfa ta’ 83 tumulu ta’ art tar-raba’ għal dan il-proġett huwa eċċessiv wisq.

Min iffirma l-istqarrija?

  • Din l-Art Ħelwa
  • Extinction Rebellion Malta
  • Flimkien għal Ambjent Aħjar
  • Friends of the Earth Malta
  • Isles of the Left
  • Malta Youth in Agriculture Foundation
  • Moviment Graffitti
  • Ramblers Malta
  • The Archaeological Society Malta
  • Swieqi Local Council

Qed isiru studji dettaljati – Wasteserv

F’reazzjoni għall-istqarrija tal-għaqdiet il-Wasteserv qalet li qed isiru studji dettaljati. Qalet li li jkopru l-kwalità tal-arja u l-studji tal-ekoloġija fil-baħar.

Skont il-Wasteserv id-daqs tal-impjant ġie determinat wara studji estensivi.