Bżonn aktar kontrolli għal għarrieda fuq il-postjiet tax-xogħol – Abela

Read in English.

Il-Ministru Carmelo Abela qal li hemm bżonn aktar kontrolli għall-għarrieda fuq il-postijiet tax-xogħol.

Il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat mill-ġurnalist tal-MaltaToday Kurt Sansone.

Abela qal li d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi (DIER) għandu bżonn aktar riżorsi umani speċjalment fil-qasam tal-ispettorat.

“Irridu nkunu iktar user-friendly u iktar proattivi. Diġà qed nagħmlu hekk u rridu nkunu iktar proattivi. Dan ifisser li mhux biss ikollna lmenti u ninvestigawhom, imma l-uffiċjali tagħna jkomplu jagħmlu iktar kontrolli għal għarrieda. Dan biex nassiguraw li l-kumpaniji jottempraw ruħhom mal-liġi tax-xogħol u li ma jkunx hemm ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema,” qal il-Ministru Abela li huwa responsabbli mir-relazzjonijiet industrijali.

Abela qal li mhux se jkunu ttollerati abbużi “speċjalment f’dawn iż-żminijiet”. Abela qal li dan jgħodd għas-sidien tax-xogħol u għall-ħaddiemal.

Abela kien qed jipparteċipa f’intervista fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook bit-tema ‘Il-Ħaddiem u l-COVID-19’, fid-dawl taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewwel ta’ Mejju.

Stqarr li wara li tgħaddi l-panemija il-kundizzjonijiet iridu jmorru lura għal dawk li kien hemm qabel.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn